Eks-uffiċjal f’bank korporattiv Malti akkuża lill-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà li daħlu fis-sistemi tat-telefowns tiegħu u ta’ nies oħra biex joqgħodu jisimgħu konversazzjonijiet privati, wara li t-telefonati tiegħu ġew interċettati u kienu parti minn każ f’qorti fi Sqallija.
It-talba tidher fi protest ġudizzjarju mressaq dan l-aħħar minn Carmelo Occhipinti, konsulent bankarju u finanzjarju Taljan u residenti Malta għal dawn l-aħħar 21 sena, kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta (MSS) u l-Avukat tal-Istat.
Occhipinti kien Viċi President f’Fimbank, istituzzjoni bankarja bbażata f’Malta, għal 17-il sena. Huwa telaq fl-2003.
Fil-protest ġudizzjarju, li kien iffirmat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, Occhipinti jistqarr li huwa ċert li l-MSS kienu interċettaw numru ta’ telefonati bejn in-numru tal-mowbajl Malti u partijiet terzi, f’perjodu ta’ sitt xhur minn Marzu sa Awwissu 2019.
Occhipinti huwa maħsub li kien persuna ta’ interess f’investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus.
Madwar perjodu ta’ tmien xhur, is-servizzi tas-siġurtá Maltin u/jew il-kontropartijiet Taljani tagħhom, kienu ilhom jisimgħu konversazzjonijiet ta’ Occhipinti ma’ terzi persuni, fosthom kien hemm klijenti tal-istituzzjoni finanzjarja li kien jaħdem għaliha.
Occhipinti jgħid li l-akkużati kienu ilhom jisimgħu kull konversazzjoni li kellu mal-klijenti tiegħu, anke meta kien jiltaqa’ magħhom personalment fil-bank, permezz tat-telefowns tal-klijenti, kull meta l-apparati kienu mixgħula.
Bħala prova ta’ dan, Occhipinti wera’ traskrizzjonijiet ta’ dawn il-konversazzjonijiet li ġew esebiti formalment mill-prosekutur pubbliku tad-Direttorat Distrettwali Antimafja ta’ Katanja, l-informazzjoni kienet miġbura mill-MSS.
Occhipinti isostni li din l-informazzjoni kienet inġabret mingħajr warrant maħruġ mill-ministru, kif mitlub mill-Att dwar is-Servizzi tas-Sigurtà.
It-traskrizzjonijiet preżentati fil-qorti ta’ Katanja ndikaw li laqgħat ma’ terzi persuni fl-uffiċini tal-Fimbank f’San Ġiljan kienu ġew irreġistrati b’dan il-mod, waqt il-mandat ta’ Occhipinti bħala VP.
Minbarra li huwa illegali, l-avukati tat-Taljan jgħidu li l-metodi ta’ ġbir ta’ informzzjoni użati kisru d-dritt fundamentali tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu, tad-dar tiegħu u tal-korrispondenza tiegħu, kif minqux fil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-protest ġudizzjarju jirriserva d-dritt ta’ Occhipinti li jibda aktar proċeduri fil-qorti biex jiddetermina l-konsegwenzi tal-ksur legali u tad-drittijiet tal-bniedem.