Prosekutur taqla' ċanfira wara battibekk mal-Maġistrat fil-każ kontra Roderick Cassar

Dan wara li l-Prosekuzzjoni qalet li xtaqet ittella’ proċeduri ta’ medjazzjoni bejn l-imputat u l-vittma, hekk kif skont il-Prosekutur Vella, hawn wieħed jista’ jara x’wassal lill-imputat biex allegatament joqtol lil martu

Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Roderick Cassar, mixli bil-qtil ta’ Bernice Cassar, fejn il-Prosekutur Dr Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ġiet imwissija li tista’ tinstab ħatja ta’ disprezz tal-Qorti. 

Dan wara li l-Prosekuzzjoni qalet li xtaqet ittella’ proċeduri ta’ medjazzjoni bejn l-imputat u l-vittma, hekk kif skont Vella, hawn wieħed jista’ jara x’wassal lill-imputat biex allegatament joqtol lil martu.

Hawn, il-Maġistrat Joe Mifsud staqsa lill-Prosekuzzjoni r-raġuni għalfejn din l-evidenza ma ġietx preżentata fil-Qorti fil-bidu tal-kumpilazzjoni, hekk kif ġie nnutat li din it-tip ta’ evidenza teħtieġ il-ħin biex tinġabar. Il-Maġistrat sostna li kieku l-evidenza nġabret u nghħhatat fil-bidu tal-proċeduri, il-Qorti kienet tappunta espert tal-Qorti, u l-proċeduri jkunu aktar viċin li jingħalqu.

Il-Prosekutur irribattiet, hekk kif qalet li dan ma kienx il-post denju biex jiġu diskussi dawn il-problemi, iżda għal darb’oħra, il-Maġistrat interrompiha. Għalhekk, hija għolliet leħinha u reġgħet sostniet li din l-evidenza hija kruċjali biex jistabbilixxu r-raġuni għall-allegat qtil.

Għalhekk, b’rabja il-Maġistrat wissa lill-Prosekutur li m’għandiex titkellem b’dan il-mod fl-awla, u stqarr li se jagħti tagħlima lill-Prosekuturi kollha permezz ta’ ħtija ta’ disprezz tal-Qorti. Hawn, Vella skużat ruħha u spjegat ir-raġuni wara l-importanza tal-evidenza, u l-Maġistrat ma sabiex ħatja ta’ disprezz.

Il-każ se jkompli jinstema’ f’Awwissu li ġej.

More in Qrati u Pulizija