Minn wara l-bibien tal-awla... Il-misteru wara l-qtil ta’ Albert Brian Rosso

Hekk kif il-persuni mixlija bil-qtil ta’ Albert Brian Rosso, Anthony Bugeja u Piero Di Bartolo,  ma jinstabux ħatja tal-qtil. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li ntqal u dak li ġie iddikjarat fil-ġuri għal dawn l-aħħar sitt ijiem 

Mhux ħatja! Hekk ġew iddikjarati Anthony Bugeja u Piero Di Bartolo, iż-żewġ persuni mixlija bil-qtil ta’ Albert Brian Rosso, ir-raġel li għeb, aktarx inqatel, qatt ma nstab u bi probabiltà li qatt ma nsiru nafu x’sar minnu.  

Rosso għeb fl-2005 u ta’ min isemmi li minn dakinhar sa llum għadda biżżejjed żmien biex tarbija li twieldet dakinhar tista’ tapplika għal-liċenzja tal-karozza. Daqshekk ilu nieqes u maħsub li huwa mejjet Albert Brian Rosso, mingħajr ebda forma ta’ ġustizzja għalih u għal familtu.  

Bħal dgħajsa maqbuda f’nofs maltempata din il-ġrajja għandha ħafna ntoppi u taqlib u tibda propju meta Rosso telaq mill-post tax-xogħol, fiċ-ċentru tal-Akkwakultura ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk u tibqa’ għaddejja sal-aħħar aġġornamenti fil-Qorti ilbieraħ. Din il-ġimgħa, f’Ġunju tal-2023, beda l-ġuri fil-kontront ta’ Bugeja u di Bartolo u lbieraħ b’seba’ voti kontra tnejn sabu liż-żewġ akkużati mhux ħatja. Liema voti ħallew lill-familja mingħajr risposta.  

Għalhekk l-ILLUM tagħti rendikont ta’ dak kollu li ntqal minn wara l-bibien tal-awla u fuq kollox dak li kkonvinċa lill-ġurati li Bugeja u Di Bartolo huma innoċenti.  

Albert ġie mhedded minn Sebastiano Lupo 

Qabel xejn irridu nsemmu illi Rosso, minkejja li kien jaħdem fiċ-ċentru tal-Akkwakultura fit-Torri ta’ San Luċjan f’Marsaxlokk, kien proprjetarju ta’ skuna flimkien ma’ Anthony Bugeja. Il-Kaptan ta’ din l-iskuna kien Sebastiano Lupo, Sqalli li Rosso kellu diversi argumenti miegħu inkluż fuq flus.  

Dakinhar tal-għejbien tiegħu, filmati tas-CCTV wrew illi kien telaq mill-post tax-xogħol fit-8:28 a.m. permezz tal-vann tiegħu tat-tip Isuzu, iżda qatt ma rritorna lura. Eventwalment dan il-vann instab fi Triq il-Ħareb Ħal Għaxaq, quddiem id-dar ta’ Bugeja. Minkejja li nstab fis-17 ta’ Ottubru, ingħad li l-vettura kienet ilha ipparkjata f’din it-triq għal ġimgħa. 

Dak iż-żmien ukoll, għaddasa tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati ta’ Malta fittxew għall-katavru ta’ Rosso fl-inħawi tal-kosta ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, iżda baqa’ sa llum, qatt ma nstab. 

Xhieda oħra importanti kienet l-eks uffiċjal tal-Pulizija Toinette Cauchi. Fil-Qorti xehdet li l-kollega ta' Rosso fid-Dipartiment tas-Sajd, ftit qabel ma għeb, kienet sabet lil Rosso inkwetat quddiem il-komputer tiegħu b'idejh ma' rasu. Stqarret li Rosso kien raġel enerġetiku, kuntarjament tal-imġieba tiegħu qabel l-għejbien u li qalilha li rċieva telefonati minn martu dwar dejn, fi żmien meta kien involut fi ftehim dwar l-iskuna. Hija kkonfermat dak li ntqal fl-ewwel jum tal-ġuri, li Rosso kien iżomm pouch dejjem miegħu, liema pouch kien fih pistola għax kien jibża’ għal ħajtu. 

L-eks uffiċjal qalet illi l-karozza ta’ Rosso ma kinitx instabet imsakkra iżda ma kienx hemm iċ-ċwievet tagħha ġewwa fiha. Minkejja li nstabu xi ċwievet, l-ebda waħda ma kienet tikkorrispondi mal-vettura. 

Nhar it-tlieta xehed ukoll Dott Anthony Gruppetta, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd fiż-żmien li seħħ il-każ. Huwa xehed li dakinhar li għeb Rosso, irċieva telefonata mill-għassa tal-Pulizija f'Ħaż-Żabbar biex jinżel l-għassa. Grupetta kien irrifjuta sakemm il-Pulizija ma jgħidulux fejn kien Rosso, hekk kif issuġġerixxa li jfittxuh viċin it-Torri ta' San Luċjan.  

Hawn jerġa’ jissemma Lupo, hekk kif Grupetta stqarr li Rosso huwa kellu ħafna kunflitti ma’ Lupo. Grupetta kkonferma li l-vittma qallu li ġie mhedded minn Lupo li se jagħti n-nar lid-dgħajsa. 

Rosso tant kien beżgħan illi mar għand il-Kummissarju tal-Pulizija għall-għajnuna 

Kien imiss ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo biex jitla’ fuq il-pedana tax-xhud. Huwa qal illi Rosso kien ikkuntattjah għal laqgħa ġimgħa biss qabel ma għeb. Dakinhar tal-laqgħa infurmah b’numru ta’ theddid li kienu sarulu inkluż uħud li saru lil martu u lil kollegi tiegħu.  

Rizzo spjega li l-vittma kien qallu li kien involut f’diżgwit ma’ eks sieħeb fin-negozju dwar xi dejn u li eventwalment mill-investigazzjoni sar jaf li dakinhar tal-għejbien tiegħu, huwa kellu jiltaqa’ ma’ Anthony Bugeja. 

L-eks Kummissarju ikkonferma wkoll illi l-vittma kien għamel referenza għal ċertu pulizija Taljan li allegatament kien iddiskuta miegħu attivitajiet illegali u relatati mal-mafja. Minkejja dan iċċara li l-pulizija Maltija qatt ma rnexxielha titraċċah. Rizzo qal ukoll li t-theddid lejn Rosso qatt ma kienu jsiru b’mod dirett minn persuni Taljani iżda ikkomunikati permezz ta’ Bugeja u Di Bartolo.  

Jekk nerġgħu immorru lura għall-ewwel jum tal-ġuri, għandna nsemmu l-fatt illi it-tieni xhud tal-ġurnata, l-eks Assistent kummissarju Michael Cassar, ukoll kien infurmat li Rosso kien qiegħed jiġi mhedded. Il-vittma kien qallu li mar Porto Palo bid-dgħajsa meta Bugeja informah li raġel Sqalli ma ridux aktar f’dak il-post. Qal illi Rosso kien għadda xi informazzjoni lil pulizija sqalli dwar traffikar ta’ drogi bejn Sqallija u Malta. 

Il-Pulizija tirċievi informazzjoni li Rosso inqatel fil-garaxx ta’ Bugeja  

Toinette Cauchi qalet illi l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali illi Rosso inqatel fil-garaxx ta’ Bugeja. Meta marret fuq il-post ġie innotat li l-art kienet riċentament maħsula bil-bleach. Dan filwaqt illi l-bieb kellu marka li kienet tidher li saret permezz ta’ bullet. Apparti minn hekk skont xhieda, fuq il-bejt tal-istess residenza kien hemm xi traċċi ta’ munizzjon, iżda qatt ma kien ikkonfermat ta’ liema tip kien. 

Tixhed mart il-vittma: Mary Rose Rosso  

Jiem qabel l-għejbien tiegħu, Rosso qal lil martu li ma tantx kien għad fadallu ħaj. Dan intqal minn Mary Rose Rosso, mart Albert, fir-raba' jum tal-ġuri. 

Emozzjonata Mary Rose, għalliema, saħqet li dakinhar tal-għejbien marret ix-xogħol qabel mis-soltu biex tirranġa' l-klassi. Hija qalet li ddispjaċiha li l-aħħar konverżazzjoni li kellhom kienet peremezz ta' telefonata. Dakinhar huma kienu qablu li Albert kellu jwassal lil binthom għal appuntament hekk kif ma setgħetx tagħmel użu mill-karozza tagħha. Ġara iżda li hu qatt ma tfaċċa.  

Qalet li l-imġieba ta' żewġha inbidlet kompletament hekk kif huwa kien inkwetat ħafna dwar it-theddid. Qalet li xi kultant tant kien inkwetat illi kien jibża' jmur ix-xogħol.  

Irrakontat li dakinhar tal-għejbien ma bediex iwieġeb għat-telefonati u li staqsiet lill-ġenituri tagħha biex jakkumpanjawha biex iffittxuh fir-rotta tiegħu. L-uffiċjal tas-sigurtà li kien jaħdem fiċ-ċentru tal-Akkwakultura f'San Luċjan informaha li ma kienx rah dakinhar.  

Rosso ċemplet ukoll lil mart Bugeja biex tagħtiha l-indirizz tat-Taljani li kienu jaħdmu fuq id-dgħajsa tiegħu. L-attentati biex ssib lil Rosso kienu kollha ta' xejn u kien għalhekk li għall-ħabta tad-9 p.m. iddeċidiet li tmur tagħmel rapport fl-għassa tal-Pulizija ta' Ħaż-Żabbar.  

Mary Rose tfakkar lil ġurati f'żewġ inċidenti partikolari li kexkxu lil żewġha. Tirrakkonta li żewġha kien qalilha li Bugeja spara lejn delfin waqt li Rosso kien qiegħed jitimgħu. Dan għamlu kompletament kontra r-rieda ta' Rosso, li dejjem kien jinsisti li ma jittiħdux armi meta jkunu fuq il-baħar, apparti l-fatt illi qal li l-munizzjoni għaddiet minn ħdejn rashu bi żbrixx. Rosso kien qalilha wkoll illi darba kien niżel fil-baħar ineħħi net li Bugeja kien għaqqad. Huwa importanti li wieħed jinnota li Rosso ma kienx jaf jgħum u qalet illi Bugeja xegħel l-iskrun.  

‘Kienet gidba li nies Sqallin kienu qed jiġru wara l-vittma, riedu ibeżżawh’  

Fil-ħames jum tal-ġuri, il-Prosekuzzjoni, magħmula minn Angele Vella u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, argumentat illi l-qtil kien “kważi r-reat perfett.” L-Avuat Angele Vella qalet illi hemm biżżejjed evidenza biex iż-żewġt irġiel jinstabu ħatja “li qatlu lil Rosso fuq l-art, ħaduh fuq il-baħar u niżluh”. Hija qalet li l-qtil ta’ Rosso kien ilu ippjanat speċjalment minħabba numru ta’ inċidenti li seħħew waqt li l-persuni msemmija u l-vittma kienu bejn sema u ilma. Fil-fatt għamlet referenza għall-istess inċidenti li semmiet mart il-vittma.  

“Buġeja kellu bżonn l-għajnuna ta’ Di Bartolo biex jeħilsu mill-ġisem ta’ Rosso u għalhekk Bugeja u sieħbu ippjanaw kollox,” qalet l-avukat.  

Min-naħa tagħha d-difiża ta’ Bugeja, magħmula mill-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi, Debono irribatta li ma hemm l-ebda prova li Rosso nqatel, proprju għaliex dan qatt ma nstab. Miegħu kompla l-avukat Robert Montalto, li qiegħed jirrappreżenta lil Di Bartolo, fejn staqsa kif “wieħed jista’ jorbot is-senter, il-pouch u l-ħabi tal-katavru ma’ Di Bartolo?”  

L-indirizz tal-Maġistrat 

Intant ilbieraħ filgħodu l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tat l-indirizz tagħha, fil-Qorti fejn fakkrithom li l-ġurati m’għandhomx jimlew il-vojt huma u biex isibu l-ħtija irid ikollhom l-istampa ċara lesta quddiemhom. “Jekk m’hemmx l-istampa kollha, timlewx il-vojt inthom. Inthom mhux prosekuturi,” qalet Scerri Herrera.  

L-avukat Stefano Filletti irrappreżenta l-familja tal-vittma.  

More in Qrati u Pulizija