'Ma tantx għad fadalli ħaj' Albert Rosso lil martu jiem qabel l-għejbien tiegħu

Il-mara ta' Rosso, f'xhieda emozzjonali, qalet li żewġha tant kien jibża' mit-theddid illi kien jibża' jmur ix-xogħol

Jiem qabel l-għejbien tiegħu, Albert Brian Rosso qal lil martu li ma tantx kien għad fadallu ħaj. Dan intqal illum minn Mary Rose Rosso, mart Albert, fir-raba' jum tal-ġuri fil-konfront ta' Anthony Bugeja u Piero Di Bartolo, iż-żewġt irġiel mixlija bil-qtil tal-vittma.

Emozzjonata Rosso, għalliema, saħqet li dakinhar tal-għejbien marret ix-xogħol qabel mis-soltu biex tirranġa' l-klassi. Hija qalet li ddispjaċiha li l-aħħar konverżazzjoni li kellhom kienet peremezz ta' telefonata. Dakinhar huma kienu qablu li Albert kellu jwassal lil binthom għal appuntament hekk kif ma setgħetx tagħmel użu mill-karozza tagħha. Ġara iżda li hu qatt ma tfaċċa. 

Qalet li l-imġieba ta' żewġha kien inbidel kompletament hekk kif huwa kien inkwetat ħafna dwar it-theddid. Qalet li xi kultant tant kien inkwetat illi kien jibża' jmur ix-xogħol. 

Irrakontat li dakinhar tal-għebien ma bediex iwieġeb għat-telefonati u li staqsiet lill-ġenituri tagħha biex jakkumpanjawha biex iffittxuh fir-rotta tiegħu. L-uffiċjal tas-sigurtà li kien jaħdem fiċ-ċentru tal-Akwakultura f'San Luċjan informaha li ma kienx rah dakinhar. 

Rosso ċemplet ukoll lil mart Bugeja - li f'dan il-ġuri ssemma li Rosso inqatel fil-garaxx tiegħu - biex tagħtiha l-indirizz tat-taljani li kienu jaħdmu fuq id-dgħajsa tiegħu. L-attentati biex ssib lil Rosso kienu kollha ta' xejn u kien għalhekk li għall-ħabta tad-9 p.m. iddeċidiet li tmur tagħmel rapport fl-għassa tal-Pulizija ta' Ħaż-Żabbar. 

Rosso tfakkar f'żewġ inċidenti partikolari li kexkxu lil Rosso. Tirrakkonta li żewġha kien qalilha li Bugeja spara lil delfin waqt li Rosso kien qiegħed jitimgħu. Dan għamlu kompletament kontra r-rieda ta' Rosso, li dejjem kien jinsisti li ma jittiħdux armi meta jkunu fuq il-baħar. Rosso kien qalilha wkoll illi darba kien qiegħed fil-baħar ineħħi net li Bugeja kien għaqqad, meta Bugeja stess xegħel il-magna tad-dgħajsa. 

Il-prosekuzzjoni iddikjarat li ressqet l-evidenza kollha fil-ġuri u għal dan id-difiża argumentat illi lanqas kienet ressqet provi li Rosso kien mejjet. Argumentat ukoll illi l-fatt li Rosso qatt ma nstab seta' jfisser li kien għadu ħaj. 

More in Qrati u Pulizija