Ġuvni jinżamm arrestat wara li lbieraħ prova jisraq ħanut, armat b'sikkina

L-ispettur oġġezzjona kontra l-ħelsien propju għax kien għadu kif kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ li ngħatawlu 15-il jum ilu

Ġuvni ta' 23 sena jinżamm arrestat hekk kif ilbieraħ daħal f'ħanut f'Raħal Ġdid armat bil-għan li jwettaq serqa. L-akkużat, li huwa minn Raħal Ġdid stess, ġie akkużat fost oħrajn li kien qiegħed iġorr sikkina mingħar il-liċenzja tal-pulizija, li żamm kaxxiera wara l-bank kontra r-rieda tagħha, b'reċediviżmu u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatawlu fuq żewġ kawżi separati.

L-Ispetturi fuq dan il-każ xehdu fil-Qorti illi ilbieraħ il-Pulizija irċeviet rapport li kien hemm persuna suspettuża viċin dan l-istess ħanut. Dan wassal biex uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit (RIU) ġew imsejħa fuq il-post u meta marru sabuh fl-att li jitlob il-flus filwaqt jhedded lill-kaxxiera bis-sikkina. Huwa prova jaħrab minn fuq il-post iżda l-attentat tiegħu falla. 

L-akkużat ċaħad l-akkużi kontrih u talab il-ħelsien mill-arrest iżda l-ispettur oġġezzjona minħabba n-natura tal-akkużi, ix-xhieda u minħabba l-fatt li huwa kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatawlu biss 15-il jum ilu. 

"Qalilna hu stess li kien ikun aħjar għalih jekk imur il-ħabs. Ir-raġuni li ta meta mistoqsi għaliex kien għamel dan kienet illi ried imur il-ħabs," qal l-Ispettur. 

More in Qrati u Pulizija