‘Jien il-kuġin ta’ Ian Borg’... Jiftaħar raġel akkużat b’theddid u fastidju

'Jien ma nappoġjax nies li jużaw ismi biex jieħdu dak li jridu' - Il-Ministru Ian Borg 

Impjegat tat-Transport Malta ġie akkużat li ta fastidju u hedded lill-kollega tiegħu, wara li qad jiftaħar li hu l-kuġin tal-Ministru Ian Borg.

Fil-Qorti ntqal kif din il-mara għamlet erba’ xhur tiġi intimidata mill-akkużat. Xehdet li l-akkużat prova jaċċessa l-computer tagħha mingħajr awtorizzazzjoni, bagħtilha l-fjuri u kisser tazza meta raha tkellem lil xi irġiel oħra.

Huwa mifhum li l-fastidju beda fl-2017 iżda kien żdied fix-xhur bejn Jannar u Ġunju tal-2022. Il-vittma kompliet tixhed li ta’ sikwit kien joqgħod jiftaħar li huwa jiġi mill-Ministru għall-Affarjiet Barranin u tal-Kummerċ Ian Borg u li kellu poter kbir fi ħdan l-Awtorità. Fl-2017 Borg kien il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li taħtu kienet taqa' din l-Awtorità.  

“Peress li kien il-kuġin tal-Ministru kont nibża' li niġi trasferuta għal x’imkien ieħor jew li nitlef xogħli,” kompliet tixhed il-vittma. Dan filwaqt li saħqet li minkejja li kienet tagħmel rapporti interni fuqu, dawn kienu jiġu injorati.

Qalet ukoll li minkejja r-rapporti, huwa ingħata promotion u karozza tal-kumpanija. Meta uffiċjal kien kellmu fuq xi nuqqasijiet tiegħu fuq il-post tax-xogħol qal li “kien se jitfa’ lil xi ħadd minn fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli għal isfel.” Fil-Qorti intqal li minkejja li qatt ma semma ismijiet, “kulħadd kien jaf li qed jirreferi għall-vittma minħabba r-rapporti.”

Kien wara din it-theddida li s-sezzjoni tar-Riżorsi umana talbet għal assistenza legali u għamlet rapport għand il-pulizija.

Filwaqt li ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, il-każ se jkompli jinstema’ x-xhar li ġej.

Intant il-Ministru Ian Borg wieġeb li huwa ma jappoġġjax nies li jużaw ismu biex jieħdu dak li jridu. "Grat li l-Awtorità ħadet azzjoni biex jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet. Jekk dawn huma veru, mela nħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw li ssir ġustizzja mingħajr dewmien," qal il-Ministru Borg. 

More in Qrati u Pulizija