Turista marret tagħmel il-massaġġi u spiċċat abbużata sesswalment

Żagħżugħ ta' 28 sena li jaħdem bħala masseur f'lukanda kien akkużat illi għamel avvanzi sesswali mhux bil-kunsens tal-mara li marret għandu biex tagħmel massage...

Massuer fi spa inżamm arrestat wara li kien akkużat illi stupra mara li kienet qed tqatta' l-vaganza tagħha fl-istess lukanda fejn jaħdem l-akkużat.

Iż-żagħżugħ ta' 28 sena li tressaq il-Qorti dalgħodu, f'seduta li matulha kien hemm ukoll preżenti rappreżentanti tal-Ambaxxata Amerikana, kien akkużat illi waqt li kien qed jagħmel il-massaġġi lill-mara in kwistjoni huwa għamel ċerta avvanzi sesswali li ma kinux mixtieqa. L-Ispettur John Spiteri, wieħed mit-tliet spetturi li qed imexxu il-Prosekuzzjoni, sostna illi l-mara qaltilhom li ppenetraha b'subgħajh u poġġa sidirha f'ħalqu. 

Il-mara, fi stat ta' xokk, waqfet tagħmel il-massaġġi, telqet mill-ispa u immedjatament fetħet rapport għand il-pulizija, bit-tfittxija ssir ilbieraħ. Il-Qorti qalet illi l-vittma temmet il-vaganza u marret lura dar iżda lesta tixhed permezz ta' video conference. 

L-Ispettur Spiteri qal lill-Qorti illi l-akkużat ma marx għax-xogħol l-għada, xi ħaġa li qajmet is-suspett tal-pulizija, li sussegwentement ma setgħetx issibu fl-indirizz reġistrat tiegħu. Huwa kien tefa' wkoll il-mowbajl. Huwa kien eventwalment arrestat fit-tieni post tax-xogħol li kellu. 

L-akkużat, ta' nazzjonalità Indjana li jgħix il-Fgura, kien akkużat bi stupru u li żamm mara kontra r-rieda tagħha, filwaqt li wettaq att ta' natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-istess mara.

L-Ispettur Spiteri spjega li l-Prosekuzzjoni qed toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża' li l-akkużat jitlaq mill-pajjiż biex ma jiffaċċjax il-ġustizzja. Fil-fatt jirriżulta li minn meta bdiet l-investigazzjoni l-akkużat għamel kuntatt ma' nies li jgħixu barra, partikolarment fl-Italja u Spanja. L-oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest kienet ukoll riżultat ta' biża' li l-akkużat jbagħbas mal-evidenza, hekk kif ix-xhieda tal-allegat vittma għadha ma nġabritx kollha u allura jekk jinħeles ikun jista' faċilment jikkomunika mal-kollegi tiegħu li raw u tkellmu mal-vittma. 

Id-Difiża qalet illi l-inċident seħħ ħamest ijiem ilu u li kieku ried ikellem lill-kollegi, diġà għamel dan, apparti li fl-ebda ħin ma pprova jitlaq mill-pajjiż. Id-Difiża qalet illi l-Prosekuzzjoni ma għandha ebda evidenza li turi illi dan ir-reat fil-fatt seħħ

Il-Qorti, wara li semgħet liż-żewġ naħat, iddeċidiet li tirrifjuta l-ħelsien mill-arrest f'dan l-istadju minħabba r-riskju li l-akkużat jaħrab mill-pajjiż jew inkella jipprova jinfluwenza lix-xhieda. Il-Qorti tat ordni ta' protezzjoni favur il-mara, li jfisser ukoll li bl-ebda mod ma jista' jikkomunika magħha. Jekk jagħmel dan jiffaċċja multa ta' €7,000. 

More in Qrati u Pulizija