Il-Qorti ma tilqax il-każ kostituzzjonali ta' Repubblika biex il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha

Repubblika kienet argumentat li l-Maġistrat in kwistjoni "ma tista' qatt tiggarantixxi imparzjalità meħtieġa mill-Kostituzzjoni hekk kif miżżewġa mal-avukat ta' Joseph Muscat u Keith Schembri

Imħallef ma laqax il-każ Kostituzzjonali li infetaħ mill-għaqda Repubblika kontra il-Maġistrat Nadine Lia, sabex din tirrikuża lilha nnifisha mill-każ li l-istess għaqda fetħet kontra l-Istat u l-falliment tiegħu li jmexxi kontra uffiċjali tal-Bank Pilatus kif kienet tgħid li għandu jsir inkjesta maġisterjali. 

Repubblika kienet fetħet dan il-każ fuq il-bażi li Lia hija miżżewġa mal-avukat Pawlu Lia, li jirrapreżenta lill-eks PM Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff Keith Schembri li kienu fiċ-ċentru tal-investigazzjoni dwar Egrant. 

Repubblika kienet argumentat li l-Maġistrat in kwistjoni "ma tista' qatt tiggarantixxi imparzjalità meħtieġa mill-Kostituzzjoni." 

Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina kien xehed quddiem l-Imħallef Audrey Demicoli u esebixxa dokumenti li kienu juru illi espert tal-Qorti  li kien qed jeżamina l-emails tal-MFSA kien sab korrispondenza mill-2016 bejn is-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad u Keith Schembri. 

Aquilina kien qal illi l-inkjesta kienet tindika li Hasheminejad u ħames minn nies oħrajn kienu fost dawk li kellhom ikunu akkużati b'ħasil tal-flus, konspirazija kriminali u reati oħrajn.

'Skont din is-sentenza l-liġi Maltija ma tagħtix dritt lis-soċjeta’ ċivili d-dritt ta' smigħ xieraq' - Repubblika

Intant f'reazzjoni l-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina li qal illi l-Qorti, 'Mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kwistjoni u f’ebda wieħed mill-argumenti li ġibna f’nota ta’ 118 paġna sempliċement qalet li Repubblika m’għandhiex id-dritt tippretendi li jkollha smiegħ xieraq għaliex m’għandhiex victim status."

Huwa kompla jgħid li skont din is-sentenza l-liġi Maltija ma tagħtix dritt lis-soċjeta’ ċivili li tippretendi li jkollha smigħ xieraq. 

"Dan l-intopp legali mhux ser jaqtgħalna qalbna. Ma’ intoppi legali ltqajna ħafna f’dawn l-aħħar ħames snin, iżda dejjem sibna mod kif naslu. Kif uriet diġa’ f’diversi istanzi, il-Maġistrat Nadine Lia ma tistax tagħtina smiegħ xieraq fuq dan il-każ," temmet tisħaq l-għaqda Repubblika, 

More in Qrati u Pulizija