Insultaha u kissrilha l-karozza wara li ma riditx tmur tiekol f'ristorant miegħu

Il-vittma tgħid li s-sieħeb tagħha kien abbużiv u darba saħansitra kaxkarha minn xagħarha 'l barra mid-dar

Il-Qorti illum semgħet kif raġel attakka u hedded lis-sieħba tiegħu, filwaqt li kissrilha l-ħġieġa tal-karozza wara li rrifjutat illi tmur tiekol miegħu f'risotrant. L-akkużat huwa raġel ta 32 sena mill-Maċedonja. 

L-Ispettur qal lill-Qorti illi l-Unit tal-Vjolenza Domestika kienet irċeviet rapport nhar il-Ħadd mis-sieħba tar-raġel li qalet illi meta jixrob l-alkoħol jew ipejjep sustanzi illegali, isir agressiv u qalet ukoll illi l-abbuż mentali u fiżiku żdied mhux ftit minn Awwissu li għadda. 

L-Ispettur Audrey Micallef qalet illi l-vittma kienet tkellmet dwar diversi inċidenti vjolenti li jinvolvu lill-akkużat. Qalet illi f'okkażjoni kien saħansitra kaxkarha minn xagħarha u darba oħra kien taha daqqiet ta' sieq u anke spiċċat bi black eye. Hija qalet illi dan imur oltrè mit-thedid verbali u miktub li kien jibgħatilha fuq il-midja soċjali, kemm fuqha u anke fuq il-proprjetà tagħha. 

Il-Qorti semgħet kif f'okkażjoni partikolari marret f'bar ma' ħbieb tagħha, imma l-akkużat beda jsegwiha u meta siker beda jakkużaha li kienet qed tmur fil-bar għax kellha grazzja ma' membru tal-istaff. Huwa kien jinsultaha u jakkużaha wkoll li kienet tmur ma' irġiel oħra għall-flus.  Il-vittma tant kienet qed tibża f'din l-okkażjoni li ddeċidiet illi jkun aktar sigur li tħalli l-karozza tagħha Buġibba fejn kien il-bar u taqbad taxi għad-dar. L-għada, meta marret għall-karozza tagħha, sabet illi din kienu sarulha ħsarat kbar, bejn wieħed u ieħor €6,000 fi ħsara, tant li l-karozza kellha l-windshield mkissra bi knaten. Intant iktar tard mal-jum l-akkużat ċemplilha u qalilha li kissrilha l-karozza għax ma marritx tiekol miegħu f'risotorant u qalilha wkoll li se jħallas għad-danni li kkawża. 

Wara li semgħet l-argumenti tad-Difiża u anke tal-Prosekuzzjoni l-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u nnutat li l-akkużat qed jiffaċċja xejn inqas minn 12-il akkuża. Il-Qorti qalet li trid illi ma jkun hemm ebda tbagħbis mal-evidenza jew intimdazzjoni sakemm il-vittma tixhed. 

More in Qrati u Pulizija