Jammetti l-akkużi illi seraq minn żewġ ħwienet li jbigħu ħwejjeġ sportivi

L-akkużat ma għandux indirizz f'Malta u kien se jitlaq mill-pajjiż għada

Raġel li qal illi qiegħed Malta fuq vaganza ammetta l-ħtija tal-akkuża kontrih illi seraq minn żewġ ħwienet differenti li jbigħu ħwejjeġ tal-isports. 

L-Ispettur Clayton Camilleri akkuża lir-raġel ta' 43 sena mis-Sebja b'akkużi ta' serq li seħħew nhar is-26 ta' Novembru u nhar is-27 ta' Diċembru f'Birkirkara u San Ġiljan. L-akkużat ma għandux indirizz f'Malta u kien se jitlaq mill-pajjiż għada. 

L-Avukat Josette Sultana li kienet appuntata bħala Avukat tal-Għajnuna Legali, informat lill-Qorti illi l-akkużat qed jammetti l-akkużi kontrih, li kien qeigħed Malta fuq vaganza u li kien irritorna l-affarijiet illi seraq. L-Ispettur iżda tefa' botta u qal li qed issir l-assunzjoni li fil-fatt kien hawn fuq vaganza u li allura din ma kinitx ħaġa ċerta. 

Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu il-Qorti tat lill-akkużat sentenza ta' erba xhuir priġunerija sospiżi għal sentejn. 

 

More in Qrati u Pulizija