Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar qalet lill-Qorti li ħasset li ħajjitha kienet mhedda meta l-awtur Mark Camilleri, fuq Facebook, qalilha li se jsir “l-għar ħolma tagħha” sakemm ma titlaqx mill-politika.
Cutajar xehdet dalgħodu fi proċeduri kriminali kontra Mark Camilleri li qed ikun akkużat li hedded lid-Deputata u anke insulentaha b’kummenti fuq Facebook.
Waqt is-seduta ta’ dalgħodu, l-avukat ta’ Cutajar, Edward Gatt qara siltiet mill-post li fihom allega li Cutajar hija korrotta fost oħrajn. Huwa qal li hu jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum billi jkisser l-affarijiet u mhux se jħossu mhedded minnha billi tiftaħlu libell.
Qalilha li lest ineħħi l-posts dwarha biss jekk hi titlaq mill-politika.
“L-alternattiva tiegħek hija din. Ibqa’ fil-politika, kompli bil-libell u jiena nsir l-għar ħolma tiegħek. Inti korrotta Rosianne u postok il-ħabs. Int u sħabek mhux biss irrovinajtu lill-Partit Laburista imma lill-pajjiż,” kiteb Camilleri.
Mal-istess posts, huwa kien xerred screenshots ta’ chats li skont Camilleri huma ta’ konverżazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u Dianne Izzo dwar Cutajar, wara li d-Deputata ddefendiet lil Fenech fil-Parlament.
Huwa qed jisħaq li għandu evidenza li Cutajar kellha relazzjoni intima ma’ Fenech.
Fix-xhieda tagħha, Rosianne Cutajar qalet li taċċetta ħafna kritika anke jekk tkun inġusta imma qalet li f’dan il-każ kellha tirrapporta għax jekk Camilleri jħossu komdu jhedded lilha, daqstant ieħor lest jagħmel lil persuni komuni.
“Mhux se nittolera dan il-lingwaġġ għax jiena ħassejtni mbeżża’,” qalet Cutajar.
L-Avukat Joseph Mizzi, li qed jirrappreżenta lil Camilleri staqsa lil Camilleri għaliex qed tħossha mhedda.
Fi kliemha, il-post kollu huwa theddida imma ħassitha l-aktar mhedda meta qalilha li se jsir “l-agħar ħolma tagħha.”
Mizzi staqsa wkoll lil Cutajar jekk tħossx lil l-posts kien qed joħloq malafama fil-konfront tagħha, iżda l-Avukat Gatt wieġbu minnufih li dan mhux każ dwar malafama.
Madanakollu, miostoqsija mill-Qorti, Cutajar tenniet li ħassitha mhedda.
Il-każ se jkun qed ikompli f’Jannar li ġej.