Raġel akkużat li qabbad il-bieb tad-dar tal-eks sieħba tiegħu

Huwa ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba nuqqas ta' rabta ma' Malta u anke għax ir-riskju sabiex jinfluwenza x-xhieda huwa għoli...

Raġel inżamm taħt arrest wara illi kien akkużat illi ta n-nar lill-bieb tad-dar tal-eks sieħba tiegħu li fil-fatt kienet fid-dar meta seħħ dan l-inċident. L-akkużat li huwa raġel ta' 35 sena u li jgħix Wied il-Għajn deher quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello dalgħodu akkużat li ta n-nar u li għamel ħsara lill-proprjetà privata tal-vittma. 

L-Ispettur Mario Xiberras qal lill-Qorti li r-raġel kien arrestat wara inċident li seħħ nhar it-13 ta' Novembru, meta bieb ta' dar fl-Imsida ingħata n-nar. Il-Pulizija - waqt l-investigazzjoni - kienu skoprew illi din id-dar hija ta' raġel Malti li kien qed jikriha lil numru ta' persuni barranin. 

Min fuq il-filmati CCTV deher ċar li kien hemm raġel ta' statura simili għal dik tal-akkużat li kellu basket simili għal dak tal-akkużat ukoll. Is-sid informa lill-pulizija li waħda minn dawk illi kienu qed jgħixu fil-binja, kienet f'relazzjoni mal-akkużat. 

Ir-raġel, li huwa wkoll ta' nazzjonalità Bulgara, ma ammettiex il-ħtija tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukat tiegħu Daniel Attard jitlob għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u argumentat illi l-akkużi huma ta' natura gravi, li l-akkużat ma tantx għandu rabtiet ma' Malta u li hemm riskju illi jipprova jinfluwenza xi wieħed mill-15-il xhud li mistenni jittella' fil-każ. 

Il-Maġistrat fil-fatt ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, għalkemm talbet li jitressqu x-xhieda malajr kemm jista' jkun. 

L-Ispettur Jeffrey Scicluna mexxa l-Prosekuzzjoni, assistit minn Daniel Tabon u Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

 

More in Qrati u Pulizija