Claire Stafrace Zammit assenjata l-każ ta' Repubblika dwar l-inkjesta tal-Bank Pilatus

Stafrace Zammit se tieħu post il-Maġistrat Nadine Lia li tneħħiet mill-każ minħabba kunflitt ta' interess

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti assenja lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit bħala l-Maġistrat ġdid fil-kawża li fetħet l-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, fuq l-allegat nuqqas ta' azzjoni fil-kawża tal-Bank Pilatus.

Stafrace Zammit se tieħu post il-Maġistrat Nadine Lia li tneħħiet minn fuq il-każ minħabba l-kunflitt ta' interess. Dan sar fuq insistenza tal- Repubblika stess, li qalet li Lia ma tistax tkun imparjzali minħabba l-parentela li għandha mal-avukat Pawlu Lia, li kien jirrapreżenta lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u lill-eks Ministru Konrad Mizzi. 

Apparti minn hekk l-Għaqda sostniet li l-Maġistrat Lia kienet ostili lejn l-NGO u r-rappreżentanti tagħha waqt seduta u li jekk tkompli tippresiedi l-kawża, tkun preġudikata. Fil-fatt dan ġie innotat mill-Imħallef Ian Spiteri bailey, li ordna li l-każ jibqa' jinstema' sakemm jinstab Maġistrat ieħor. 

Intant din il-kawża mistennija li tkompli quddiem Stafrace Zammit nhar l-Erbgħa 14 ta' Novembru. 

More in Qrati u Pulizija