Jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li żamm lill-martu maqfula għal disat ijiem

L-akkużat qed ikun akkużat ukoll li sawwat lil martu anke quddiem uliedha anke jekk hu qed jiċħad l-akkużi kollha

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest lil raġel akkużat li żamm lil martu kontra r-rieda tagħha għal disat ijiem sħaħ u li sawwataha.

L-akkużat ta’ 39 sena, Sirjan residenti San Ġiljan, tressaq dalgħodu l-Qorti akkużat b’diversi akkużi, inkluż li hedded lill-mara quddiem uliedha u li uża vjolenza fiżika u anke morali kontriha.

Il-mara allegatament għamlet xejn inqas minn disat ijiem maqfula fid-dar tagħha kontra r-rieda tagħha bejn l-14 u 23 ta’ Ottubru.

Huwa akkużat ukoll li sawwat lil martu fl-14 ta’ Ottubru tant li kellha titkellem maċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.

Id-Difiża qalet li l-akkiużat qed jiċħad l-akkużi kollha. Huwa talab lill-Qorti tordna espert tal-IT biex jinvestiga l-movimenti tal-mowbajl tal-vittma biex ikun magħruf jekk hux minnu li nżammet imsakkra.

Il-vittma se tkun qed tixhed fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni tal-evidenza.

Sadanittant, il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm arrestat. 

More in Qrati u Pulizija