Falzon u Brincat kellhom fil-pussess tagħhom armi li mhumiex awtorizzati mill-Korp

Mifsud Grech instab li kellha wkoll pepper spray - liema tip u ditta ma kienx dak użat mill-Korp tal-Pulizija

Tnejn mit-tliet uffiċjali tal-pulizija li qed ikunu akkużati b'attakk motivat razzjalment fuq barrani fil-Marsa kienu qed iġorru arma li ma kinitx parti minn dak ipprovdut mill-Korp ta-Pulizija. Dan ħareġ mill-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Rica Mifsud Grech ta' 22 sena, Jurgen Falzon ta 24 sena u Luca Brincat ta' 20 sena  - ilkoll stazzjonati fl-Għassa tal-Ħamrun meta seħħew dawn l-allegati reati. 

L-Ispettur Chantelle Casha meta telgħet tixhed esebiet armi u affarijiet li kienu fil-pussess tal-akkużati meta kienu arrestati, fosthom torch-tasers li mhumiex użati minn uffiċjali tal-pulizija. 

Mifsud Grech instab li kellha wkoll pepper spray - liema tip u ditta ma kienx dak użat mill-Korp tal-Pulizija. L-istess il-mus li kellu fil-pussess tiegħu Brincau, mhuwiex arma approvata mill-Korp. 

Mistoqsi dwar il-pepper spray l-Ispettur Casha qalet illi f'komunikat intern kien intqal li l-użu tal-pepper spray mill-pulizija għandu dejjem ikun imniżżel mill-pulizija sabiex b'hekk jitpoġġa f'database partikolari.  

Fl-aħħar tas-seduta llum il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lit-tliet akkużati fuq garanzija personali ta' €45,000 u depożitu ta' €5,000.

Il-Kunstistabbli Lydon Azzopardi - huwa u jixhed - qal illi nhar it-13 ta' Settembru waqt li kien xogħol bil-lejl mara ċemplet għall-assistenza u qalet illi xi ħadd kien qed isegwiha. Huwa kien mar jinvestiga l-każ, flimkien ma' Falzon u Brincat. Ir-raġel instab iżda l-mara imbagħad irrfijutat li tiftaħ rapport. Ir-raġel ittieħed l-għassa għal aktar mistoqsijiet u x-xhud qal li waqt li kienu qed isuqu kemm Falzon u anke Brincat bdew jagħtu daqqiet b'minkbejhom lir-raġel. 

"Huma riedu jieħduh Ħal Qormi imma imabgħad Luca qal li aħjar le peress li għadu d-dawl," kompla jixhed Azzopardi. Huwa qal li ma kellux il-bodycam mixgħula dak il-ħin għax mill-post fejn kien arrestat dan ir-raġel għall-għassa ma tantx kien hemm bogħod. 

Huwa kkonferma - għall-mistoqsija tal-avukat Veronique Dalli - li Mifsud Grech ma kinitx involuta f'dan l-inċident. 

L-Avukat Edmund Cuschieri wkoll għafas lix-xhud dwar għaliex ma kienx xegħel il-bodycam u qal illi filwaqt li x-xhud qed jgħid li l-akkużati taw daqqiet lir-raġel, dan ma kellu ebda ġrieħi. "Mela ma għandniex il-bodycam, m'għandna ebda ġrieħi viżibbli..." qal l-Avukat bix-xhud jerġa' jgħid illi l-kamera nxtegħlet biss meta waslu l-għassa. 

Wara li ta l-ħelsien mill-arrest il-Maġistrat Joe Mifsud qal li huwa qed ikun strett u qed jara li jintlaħaq il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużati u ċ-ċittadini ta' dan il-pajjiż kemm jekk immigranti, dak li qed ifittxu l-ażil, Maltin jew persuni minn pajjiżi terzi. 

"Kemm jekk inti fil-futbol, jekk inti l-iskola ir-razziżmu mhu tajjeb qatt u għandu jkun hemm tolleranza żero f'kull livell," saħaq il-Maġistrat Mifsud. 

More in Qrati u Pulizija