'Jekk ma tgħaddihx lil dan, wieġbu int lill-Ministru' - Hekk qalulu lill-eżaminatur tat-testijiet tas-sewqan

Eżaminatur ta' Transport Malta jikkonferma li kellu struzzjonijiet biex jgħaddi lil ċerti kandidati mit-test tas-sewqan għax huma "tal-Ministru"

Eżaminatur tas-sewqan iddeskriva kif direttur ta' Transport Malta kien jgħidlu biex jgħin lil ċerti kandidati ħalli jgħaddu mit-test tas-sewqan għax kienu "nies tal-Ministru." Minkejja dan, isem il-Minstru sa issa ma ssemmiex anke jekk il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ma hemm ebda Ministru kurrenti li fuqu qed issir xi forma ta' investigazzjoni fuq dawn l-akkużi.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra d-Direttur ta'  Transport Malta Clint Mansueto, l-eks Kunsillier Laburista Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace kompliet dalgħodu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. It-tliet akkużati qed jiċħdu l-akkużi kontrihom. 

L-eżaminatur  - Roderick Cavallaro, li kontrih il-Prosekuzzjoni mhi qed tressaq ebda akkużi b'konnessjoni ma' dan il-każ, qal lill-Qorti illi hu kien ilu f'dan l-impjieg ħames snin, mill-2017. Huwa qal illi Mansueto kien is-supervisor tiegħu, għalkemm liż-żewġ akkużati l-oħrajn kien jafhom ukoll. 

Il-Prosekutur Abigail Caruana staqsiet lil Cavallaro jekk l-akkużati qattx kellmuh. "Iva, biex ngħin lil ċerti kandidati," wieġeb ix-xhud, li meta mistoqsi jidentifika min wieġeb, "Clint. Għax il-kandidat kien ikun "tal-Ministru." Huwa spejga li l-istruzzjonijiet kienu jkunu verbali jew miktubin u qal illi jekk il-ħin tat-test kien indikat fuq id-dokument tat-test, dan kien ifisser illi huwa kellu jaċċerta li dan il-kandidat jgħaddi. 

"Kont skomdu nagħmel dan u kont nevita toroq traffikużi għax jekk il-kandidat ifalli kont naqlagħha." 

Huwa qal li kien ukoll - inizzjalment - involut fl-eżami tat-teorija. "Uħud mill-kandidati lanqas kienu jafu jaqraw u allura kien jeħtiġilhom l-assistenza. Jekk kont qed tassisti kandidat VIP kont tgħinu, billi tistaqsih huwiex ċert mit-tweġiba u hekk insomma," kompla jgħid ix-xhud.

Kien hawn li ftakar f'inċident partikolari, meta Mansueto ried li kandidat jgħaddi u kien qal lil Cavallaro hekk:  "Jekk ma tgħaddihx lil dan kellmu int lill-Ministru!"

Huwa qal li saħansitra kellu struzzjonijiet biex inaqqas l-istandards "għall-minimu assolut" għal barranin li jkunu se jaħdmu Malta bħala xufiera. Huwa qal li Manuel Psaila darba qallu li jekk it-trakkijiet ma jiġux mċappsin bid-demm kun ċert li jgħaddu. 

"Kont taħt pressjoni," kompla jgħid Cavallarfo lill-Qorti. 

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Qrati u Pulizija