'Għal ibni nagħmel kollox' tgħid omm Ryan Schembri - akkużat bi frodi u miżapproprijazzjoni

Schembri ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €50,000 u garanzija personali ta' €150,000

Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Ryan Schembri, li qed ikun akkużat b'reati finanzjarji u li kien estradit lejn Malta wara li ħarab mill-pajjiż fl-2014 hekk kif kellu djun li jlaħħqu l-€40 miljun. 

Schembri inġieb Malta u qed jiffaċċja akkużi ta' ħasil ta' flus, miżaproprijazzjoni ta' fondi, frodi, li għamel qligħ minn frodi u li offra servizzi finanzjarji mingħajr liċenzja, dan apparti li konxjament għamel użu minn dokumenti ffalsifikati. 

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kienet qed tmexxi l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-akkużat semgħet lill-kredituri jixhdu u jgħidu li kienu tilfu ammonti kbar ta' flus li kienu mħeġġin jinvestu fin-negozji ta' Schembri. 

Dalgħodu l-ġenituri ta' Schembri kkonfermaw illi huma kienu lesti li jkunu garanti għall-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u offrew t-tliet proprjetajiet li għandhom bħala sigurtà. Meta mistoqsija hux lesta li titfa' lilha nnifisha fir-riskju ta' ħabs għal binha jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, hija wieġbet hekk: "Għal ibni nagħmel kollox."

Mistoqsija dwar x'tagħmel jekk taħseb li jkun qed jikser dawn il-kundizzjonijiet, omm Schembri qalet illi ma taħsibx li se jagħmel dan għalkemm kieku hi twissih.

Anke s-sieħba ta' Schembri, qalet illi hija lesta li tidħol garanti għalih. Hija kienet ġiet Malta wara l-arrest u kienet ilha mal-akkużat għal sitt snin. "Jiena lesta nirriskja kollox għalih," qalet lill-Qorti s-sieħba ta' Schembri. 

Il-Qorti osservat li kien ċar illi Schembri ma kienx qed jipprova jeħlisha mil-liġi iżda kien qed jipprova jevita inkwiet li seta' jkollu mal-kredituri potenzjali tiegħu, u għalhekk ċaħdet l-allegazzjoni tal-prosekuzzjoni li Schembri kien maħrub mil-liġi, fuq il-bażi li ma kienx hemm akkużi kriminali jew investigazzjoni kontrih meta ħarab għar-Renju Unit. 

Il-Maġistrat innutat li l-Prosekuzzjoni ma pprovdietx lill-Qorti b'oġġettivi u raġunijiet tajbin li juru illi Schembri jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, partikolarment quddiem il-fatt li l-akkużat qatt ma kien ipprova jaħrab jew jaħbi fejn jinsab. Huwa mifhum li l-pulizija kienu jafu fejn hu Schembri lura fl-2017 u ma għamlu xejn, "lanqas biss ċemplulu." 

Hija qalet illi l-uniku raġuni biex ma jingħatax il-ħelsien hija l-biża' li jaħrab mill-pajjiż, biża' li tgħid illi dejjem se tibqa' hemm sakemm il-proċeduri jkunu ffinalizzati. Il-Qorti irrimarkat li dan l-argument jista' jintuża għal kull persuna li tingħata l-ħelsien mill-arrest. 

Għalhekk Schembri ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €50,000 u garanzija personali ta' €150,000, filwaqt li jrid jiffirma fl-għassa darbtejn kuljum u jżomm 20 metru 'l bogħod mill-ajruport. 

More in Qrati u Pulizija