Jisraq karozza erbat ijiem wara li ngħata sentenza sospiża għax seraq minn knisja

L-Avukat difensur qalet lill-Qorti li d-difiża f’dan l-istadju ma kienet se tagħmel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest

(Mill-Arkivji)
(Mill-Arkivji)

Erbat ijiem biss wara li ammetta fil-Qorti li seraq flus mill-kaxxa tad-donazzjonijiet minn knisja f’Birkirkara u li ngħata sentenza sospiża, ir-raġel ta' 31 sena ta’ nazzjonalità Ukrena reġa’ ġie akkużat b’serq.

Hu kien ikkundannat 16-il xahar ħabs, sospiżi għal 3 snin, aktar kmieni din il-ġimgħa, wara li ammetta li seraq donazzjonijiet mill-knisja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara.

Illum pero' reġa’ tressaq il-Qorti, din id-darba akkużat li seraq karozza, flus kontanti u għodda, kif ukoll li pprova jisraq karozza. Huwa kien akkużat ukoll li kkawża ħsarat fi proprjetà privata u bus stop f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll li saq fis-sakra u li saq mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni.

L-Ispettur, li qed tmexxi l-prosekuzzjoni, qalet lill-Maġistrat kif il-pulizija kienet irċeviet rapport ta’ serqa minn garaxx f’Birkirkara għall-ħabta tas-6:30.a.m tal-bieraħ filgħodu. Minn kameras fl-istess triq, deher is-suspettat jisraq il-karozza, wara attentati bla suċċess biex jidħol f’vetturi oħra pparkjati fil-qrib. Sintendi huwa ngħaraf mil-ewwel għax wiċċu baqa' fil-memorja tal-pulizijali ressquh il-Qorti fuq serqa separata ftit jiem qabel.

Uffiċjali kienu marru fil-post tar-residenza u sabu l-vettura misruqa, li dehret li kienet involuta f’ħabta wara li nsterqet, u ġewwa fiha, kompressur tal-arja li kien wieħed mill-oġġetti rrappurtati misruqa. Aktar tard il-pulizija sabet ukoll biċċiet tal-karozza u n-numru tal-karozza fuq bus stop f’San Pawl il-Baħar.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Avukat qalet lill-Qorti li d-difiża f’dan l-istadju ma kienet se tagħmel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija