Il-Pulizija tinterċetta 38 kilo droga b'valur ta' €1.5 miljun li kienet ġejja minn Sqallija

Raġel Bulgaru kien qed iġorr miegħu 5kg kokaina, 4kg eroina u 29kg kannabis meta wasal Malta minn Pozzallo 

Bulgaru ta' 28 sena ġie arrestat b'rabta ma' sejba ta' madwar 38 kilo droga suspettata kokaina, eroina u kannabis bil-ħsieb li tiġi ittraffikata f'Malta. Il-valur tad-droga fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €1.5 miljun. 

Tard il-Ħadd filgħaxija, investigazzjoni b'suċċes wasslet biex il-Pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga kissret ċirku internazzjonali ta' traffikar tad-droga. Din l-iskwadra rċeviet informazzjoni dwar vann li kien għadu kemm telaq minn Sqallija lejn Malta u allegatament kien qed iġorr id-droga. Malli wasal minn Pozzallo, permezz ta' kelb mit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija, is-suspett kien ikkonfermat hekk kif il-kelb indika li kien hemm xi ħaġa suspettuża. 

Il-vann imbagħad kien skortat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit lejn il-garaxx tal-Pulizija, il-Floriana u fil-preżenza tal-Bulgari, il-Pulizija ta' Kontra d-Droga wettqet tfittxija fil-vann, fejn irriżulta li parti minnu kellu kompartamenti foloz. Wara li ġoe żarmat il-ħadid, kien hawn li nstabet id-droga maqsuma f'diversi boroż; 5kg kokaina, 4kg eroina u 29kg kannabis. 

 X'intqal fil-Qorti?

Intant dalgħodu l-Bulgaru tressaq il-Qorti u ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Huwa stqarr li hu kien student u ma kellux indirizz fiss f'Malta. Għaldaqstant l-avukat difensur saħaq li ma kienx se jitlob il-ħelsien mill-arrest iżda qal li l-akkużat għad għandu d-dritt li jagħmel dan aktar 'il quddiem. 

Ara dak li nstab fil-vann: 

More in Qrati u Pulizija