L-MPU tordna lill-pulizija biex ma jagħmlux xogħol l-Uffiċjali tal-LESA

Il-Malta Police Union tgħid li l-azzjonijiet industrijali fil-LESA mhumiex tort ta’ uffiċjali tal-Pulizija u dawn ma jistgħux iġorru l-piż ta’ entità oħra jew jaġixxu ta’ 'strike breakers'

Permezz ta' stqarrija l-Malta Police Union ordnat lill-membri tagħha biex ma jaqdu l-ebda dmir li ma kienx qed isir mill-Pulizija u li kien qed isir minn Uffiċjali tal-LESA, qabel ma bdiet l-azzjoni industrijali. 

Din l-istqarrija ħarġet fid-dawl tal-azzjoni industrijali li ħadu l-Gwadjani Lokali b'direttiva tal-GWU fejn issa mhux qed joħorġu multi u lanqas qed ineħħu karozzi pparkjati ħażin. Il-GWU qalet li d-diskuzzjonijiet dwar il-ftehim kollettiv, b’mod partikolari dwar il-pagi, ma rnexxewx. 

Il-Malta Police Union hija konxja minn din l-azzjoni industrijali tal-GWU u kien għalhekk lħarġet din l-ordni. Il-Unjin żiedet tgħid li d-direttivi lill-membri tagħha, jinkludu li ma jittieħdux rapporti relatati ma’ inċidenti tat-traffiku fejn ma jiġu rrappurtati ebda ġrieħi, anke meta l-individwi involuti jċemplu personalment fl-Għassa tal-Pulizija.

"L-azzjonijiet industrijali fil-LESA mhumiex tort ta’ uffiċjali tal-Pulizija u dawn ma jistgħux iġorru l-piż ta’ entità oħra jew jaġixxu ta’ 'strike breakers," temmet l-Malta Police Union.

More in Qrati u Pulizija