Multa ta' €2,000 għal raġel li kellu leoparda d-dar u ma rreġistrahiex

Dan ir-raġel kien diġà akkużat illi huwa riċediv, wara illi fl-2019 ma kienx irreġistra tip ta' tigri li wkoll kellu d-dar

Raġel ta' 33 sena minn Ħaż Żebbuġ kien immlutat €2,000 wara li nstab ħati illi ma rreġistrax il-leoparda li kellu d-dar mal-awtoritajiet. 

Dan irriżulta minn każ il-Qorti li nstema' dalgħodu kontra dan ir-raġel li kien akkużat illi qed iżomm annimali mingħajr permess, li ma rreġistrax lid-dar tiegħu bħala "stabbiliment żooloġiku" kif ukoll illi l-post illi fih kienet il-leoparda la kienet spezzjonata u lanqas approvata mill-awtoritajiet. 

Dan ir-raġel kien diġà akkużat illi huwa riċediv, wara illi fl-2019 ma kienx irreġistra tip ta' tigri li wkoll kellu d-dar. 

Huwa ammetta l-ħtija filwaqt li l-Prosekuzzjoni u d-Direttur Veterinarju rtiraw it-talba biex jieħdu taħt idejhom il-leoparda, wara li informaw lill-Qorti illi eventwalment ir-raġel kien irreġistraha waqt il-proċeduri kontrih. 

Il-Qorti sabet lir-raġel ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess u imponiet il-multa, li ser titħallas fuq medda ta' 10 snin. 

L-Avukat Veronique Dalli dehret għall-akkużat. 

More in Qrati u Pulizija