'Qtil ta' passjoni' mhux se jibqa' raġuni li biha sentenza mill-Qorti tiġi mnaqqsa

Il-Gvern illum iħabbar riforma ġdida fil-Kodiċi Kriminali ta' Malta li tinkludi fiha l-kunċett ta' femiċidju, biex Malta huwa t-tieni pajjiż fl-Ewropa li qed jieħu dan il-pass

Il-Gvern illum ħabbar il-Qrati ta' Malta mhux se jibqgħu jaċċettaw "qtil ta' passjoni" bħala raġuni sabiex is-sentenza tal-akkużat tiġi mnaqqsa. Dan fid-dawl ta' riforma ġdida fil-Kodiċi Kriminali ta' Malta li tinkludi fiha l-kunċett ta' femiċidju. Dan ifisser li flimkien ma' Ċipru, Malta se jkun it-tieni pajjiż fl-Ewropa li qed jieħu dan il-pass.

Tajjeb li nfakkru li dan ma jfissirx li l-femiċidju se jibda' jkun ikkunsidrat bħala reat seperat mill-omiċidju.

F'konferenza tal-aħbarijiet ddedikata għal dan, il-Ministri Edward Zammit Lewis u Owen Bonnici ħabbru abbozz ta' liġi sabiex niġġieldu dik li hu sejħu bħala soċjetà patrijarkali u bbażata fuq stereotipar tal-ġeneru.

Filwaqt li ġie nnotat kif nisa baqgħu lura milli jirrapurtaw vjolenza domestika jew inkella jirtiraw ir-rapporti f'ċertu każi u filwaqt li ġie mfakkar li Malta implimentat il-konvenzjoni ta' Istanbul fl-2018, il-Gvern ammetta li fadal xi jsir.

Hawn tajjeb li nerġgħu ngħidu, u kif semmiet diġà Lara Dimitrijevic mal-gazzetta ILLUM il-Ħadd li għadda , il-vjolenza domestika hija waħda mill-aktar kaġuni ta' femiċidji.

Femiċidju f'għajn il-liġi

Ir-riforma il-ġdida tgħid li l-femiċidju se jkun reat distint mill-omiċidju iżda mhux wieħed separat. Id-definizzjoni uffiċjali skont il-Kodiċi Kriminali għal femiċidju issa hi;  il-qtil ta' mara jew ta' tifla minn raġel, immotivat mill-ġeneru.

L-abbozz se jkun qed jipprovdi ċirkostanzi 'femiċidjali' ta' qtil li għandhom jaħdmu sabiex il-piena tiħrax. Apparti minn hekk, il-abbozz se jkun qed jipprovdi wkoll illi omiċidju b'karatteristiċi ta' femiċidju ikun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f'passjoni. 

L-abbozz jgħid li la darba l-qtil ikun iddikjarat bħala femiċidju, mhux se jkun qed jaffetwa jekk l-aggressur kienx sieħeb intimu, ir-raġel, il-ħabib jew saħansitra membru tal-familja bħal missier jew aħwa. Il-piena massima tibqa' bħal dik ta' omiċidju, jiġifieri ta' għomor il-ħabs.

L-abbozz se jkun qed jikkonsidra fih ukoll il-qtil fil-kuntest ta' vjolenza domestika, qtil għall-unur tal-qattiel jew tal-familja, qtil abbażi ta' sentimenti miżoġini, qtil minħabba orjentazzjoni sesswali, qtil fil-kuntest ta' sfruttament sesswali, qtil fil-kuntest ta' prattiċi reliġjużi jew ta' kult, fost oħrajn bħala femiċidju. 

More in Qrati u Pulizija