Jintbgħat Monte Karmeli wara li ċaħad li prova joqtol lil martu b'skarpell...

... Uliedu jgħidu fil-Qorti li missierhom sofra minn skizofrenija

Mill-Arkivji
Mill-Arkivji

Raġel minn Ħaż-Żabbar ċaħad li ta daqqiet ta’ sikkina u li pprova joqtol lil martu bi skarpell fir-residenza tagħhom.

L-ispetturi tal-Pulizija, assistiti mill-prosekutur mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalu lill-maġistrat kif fl-14 ta’ Jannar, l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar kienet ġiet infurmata mara ingħatat daqqiet ta’ sikkina. Fuq il-post marru uffiċjali u sabuha mal-art imdawra bi tliet irġiel. Tnejn mill-irġiel aktar tard ġew identifikati bħala t-tfal tal-vittma u r-raġel l-ieħor bħala żewġha.

Fil-Qorti ntqal li ttieħdu dikjarazzjonijiet mingħand l-irġiel, bit-tfal jgħidu lill-pulizija li kienu raw lil missierhom jattakka lil ommhom bi skarpell. Huma kienu żiedu li missierhom sofra minn skizofrenija u għalhekk l-akkużat inizjalment ittieħed l-isptar Monte Carmeli. "Il-Maġistrat kien qed jagħmel inkjesta dwar l-inċident," qal l-ispettur.

"Wara li ħareġ mill-isptar, l-akkużat ġie mistoqsi mill-pulizija iċda hu ma wieġeb xejn," żied jgħid l-ispettur.

Il-Qorti wissiet lill-imputat li kien qed jiġi akkużat b’reat serju, u infurmatu li kellu d-dritt li jibqa’ sieket u li kull ħaġa li jgħid jista’ jitressaq bħala prova kontrih. L-akkużat min-naħa tiegħu wieġeb mhux ħati.

Il-Maġistrat Montebello laqgħet ukoll talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur l-imputat, u spjegat lill-akkużat il-konsegwenzi serji tal-ksur tagħha. F'dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja. Il-Qorti, fid-dawl ta’ ċertifikat mediku ppreżentat fl-atti tal-każ, irrakkomandat li l-akkużat jinżamm fis-sezzjoni forensika tal-Isptar Monte Karmeli.

More in Qrati u Pulizija