23 persuna jitolbu lill-armla tan-nutar Barbara biex tirrifondi €165,000 f'depożiti li kienu ħallsu

... dawn l-iżviluppi jiġu fid-dawl ta' każ ieħor li qed jiżviluppa u li bdiet tikxef il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, dwar għexieren ta' nies migdumin minn kuntrattur fuq eluf imħallsin f'konvenji

23 klijent tan-Nutar Ivan Barbara - li miet ftit xhur ilu - fetħu każi quddiem il-Qorti kontra l-armla tiegħu. Fil-proċeduri huma qed jordnawlha li tirrifondi madwar €165,000 li nżammu minnu f'depożiti relatati ma' kuntratti ta' proprjetà li kienu se jixtru dawn il-klijenti. 

Dan il-każ qed ikompli jiżviluppa hekk kif il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM bdiet tikxef storja simili ta' ħafna koppji u individwi li ġew migdumin minn kuntrattur bl-isem Alex Mercieca (mhux l-istess wieħed li għandu x-showroom fiż-Żejtun) b'uħud iħallsu eluf kbar f'konvenji u qatt ma jaraw sold lura jew proprjetà. Mercieca diġà nstab ħati darba mill-Qorti li ordnatlu jħallas lura €150,000 fi flus imħallsin fuq konvenju ta' proprjetà fil-Mosta.

Dawn it-23 persuna qalu fl-applikazzjoni lli Rosanne Barbara Zarb kienet qaltilhom li r-refużjonijiet ma jistgħux jiġu proċessati immedjatament hekk kif iċ-ċertifikat tal-mewt ta' Barbara ma kienx għadu ġie ppubblikat, minħabba ttardjar burokratiku hekk kif hu kien miet l-Indja. 

Iktar tard saru jafu li Barbara Zarb kienet irrinunzjat il-wirt ta' żewġha. 

Fl-applikazzjoni fil-Qorti l-Avukat David Bonello -  li qed jirrapreżenta lir-23 persuna - qal illi ladarba Barbara Zarb kienet wettqet atti li huma relatati mal-wirt ta' żewġha, allura indirettament aċċettat dan il-wirt. 

 

More in Qrati u Pulizija