Raġel ta’ 45 sena minn Ħal Qormi ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li approprja €90,000 minn kont bankarju ta’ mara li kienet afdatu bil-card tagħha.
Stephen Stellini ammetta li ħa l-flus bejn Lulju 2023 u Diċembru 2024.
Huwa tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn b’approprjazzjoni indebita, serq aggravat, użu illegali ta’ strument ta’ ħlas mhux fi flus kontanti u reċidiva.
L-Ispettur Kurt Farrugia spjega lill-Qorti li l-investigazzjoni bdiet wara li l-mara għamlet rapport permezz tal-avukat tagħha, wara li skopriet li kienu nġibdu €90,000 mill-kont tagħha mal-Bank of Valletta.
Il-mara indunat li l-flus kienu neqsin meta ppruvat tagħmel pagament u t-tranżazzjoni ġiet miċħuda.
Aktar tard, l-istatements bankarji wrew sensiela ta’ withdrawals mill-kont.
Il-Qorti semgħet li l-mara kienet tat il-card tagħha lil Stellini u, f’okkażjoni minnhom, kienet tatu permess jużaha.
Stellini aktar tard nesa l-PIN, iżda sabu salvat fuq il-mobile tagħha u b’hekk seta’ jerġa’ jaċċessa l-kont.
Minn hemm, huwa beda jiġbed flus mill-ATM b’mod regolari, b’€1,000 kuljum maqsuma f’żewġ withdrawals ta’ €500, wieħed filgħodu u ieħor filgħaxija.
Eventwalment Stellini mar għand il-mara u ammetta li kien ħa l-flus, talabha ma tirrappurtahx lill-Pulizija u wiegħed li jħallasha lura.
Bejniethom sar ftehim privat li permezz tiegħu Stellini kellu jħallas lura l-€90,000 b’pagamenti ta’ €1,200 fix-xahar.
Madankollu, il-Qorti semgħet li huwa għamel biss tliet pagamenti, għal total ta’ €3,600, u baqa’ dovut €86,400.
Il-mara mbagħad ressqet ilment kriminali f’April 2025.
Stellini ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Ħal Qormi fl-4 ta’ Ottubru u, skont il-prosekuzzjoni, ikkoopera mal-investigaturi u ammetta l-allegazzjonijiet.
Huwa wieġeb ħati wkoll meta tressaq il-Qorti.
Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni argumentat li sentenza sospiża tkun fl-interess kemm tal-akkużat kif ukoll tal-vittma, peress li tagħti ċans akbar li l-mara tirkupra l-€86,400 li għadhom dovuti lilha.
Il-Qorti semgħet ukoll li Stellini għandu problema ta’ droga.
Ġiet diskussa l-possibbiltà li jiġi ordnat iħallas lura l-ammont fi żmien sitt xhur, iżda ġie argumentat li jkun mhux realistiku li wieħed jistenna li jiġbor €86,400 f’perjodu daqshekk qasir.
Tqajmet ukoll il-possibbiltà li pressjoni bħal din setgħet twasslu biex iwettaq reat ieħor biex jiġbor il-flus.
Peress li ma tressaq l-ebda pjan realistiku ta’ ħlas, il-Qorti ma imponietx ordni speċifika biex l-ammont jitħallas lura bħala parti mis-sentenza.
Stellini nstab ħati fuq l-ammissjoni tiegħu u ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trattament, poġġietu taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation u imponiet ordni ta’ trażżin favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Cheyenne Mangion, flimkien mal-Avukati Claire Sammut u Miguel Taliana f’isem l-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Francois Dalli deher għall-akkużat bħala avukat tal-għajnuna legali, filwaqt li l-Avukat Viktor Bugeja deher parte civile.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.