Amo Frank Kwaku ġie kkundannat għal għomru l-ħabs wara li ġurija sabitu ħati tal-qtil volontarju ta’ Isaac Kwabena Kyere, ta’ 23 sena, fil-Marsa fl-2021.
Il-ġuri tal-Ganajan ta’ 30 sena ntemm it-Tnejn wara nofsinhar, bil-ġurati jsibuh ħati tal-akkuża ewlenija bi tmien voti kontra wieħed.
Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas €19,853.18 fi spejjeż marbuta mal-esperti maħtura fil-proċeduri.
Kyere kien qala’ mill-inqas 18-il daqqa u qatgħa b’sikkina, fosthom erba’ ġrieħi f’sidru u f’żaqqu. Diversi minn dawn il-ġrieħi rriżultaw fatali.
Kwaku nstab ħati wkoll, b’sitt voti kontra tlieta, li żamm lil Kyere kontra r-rieda tiegħu filwaqt li kkaġunalu ġrieħi.
Fuq l-akkuża li kellu arma fuqu waqt li kien qed iwettaq reat kontra persuna, il-ġurija sabitu ħati bi tmien voti kontra wieħed.
Madankollu, huwa ġie lliberat unanimament mill-akkuża li ma obdiex ordnijiet tal-Pulizija waqt li allegatament kien qed jipprova jevita l-arrest.
Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tqis kemm il-verdett qawwi fuq l-akkuża ta’ qtil volontarju kif ukoll il-kondotti preċedenti ta’ Kwaku, li jinkludu kundanni għal reati oħra fosthom serq.
L-avukata tal-għajnuna legali Josette Sultana argumentat kontra sentenza ta’ għomor il-ħabs u rrimarkat li l-verdett ta’ ħtija għall-qtil volontarju ma kienx wieħed unanimu.
Argument li spiċċa fi qtil
Il-każ imur lura għal-lejl tal-10 ta’ Ġunju 2021, meta Kwaku u Kyere kienu involuti f’argument waqt li kienu fid-dar ta’ ħabib fil-Marsa.
Matul il-proċess instema’ li l-argument kien beda dwar flixkun whisky u aktar tard kompla barra.
Skont il-każ tal-prosekuzzjoni, iż-żewġt irġiel reġgħu ltaqgħu ħdejn il-pont pedonali qrib Triq it-Tiġrija, fejn Kyere ġie attakkat b’sikkina.
Kwaku nstab mill-Pulizija diversi sigħat wara f’residenza fi Triq Azzopardi. Skont ix-xhieda tal-Pulizija, huwa pprova jaħrab minn fuq il-bjut qabel ġie arrestat.
Sikkina li l-investigaturi emmnu li kienet l-arma użata fil-qtil instabet aktar tard taħt siġra.
Tobba ddeskrivew tentattivi biex isalvaw lil Kyere
Waqt il-ġuri, it-tobba tal-emerġenza Michael Spiteri u Jonathan Joslin irrakkontaw kif Kyere kien diġà f’traumatic cardiac arrest meta waslu t-timijiet mediċi fuq il-post.
Huwa kien tilef ammont sostanzjali ta’ demm u kellu diversi ġrieħi ta’ sikkina, fosthom feriti serji fuq in-naħa tax-xellug ta’ sidru u żaqqu.
It-tobba bdew immedjatament jagħtuh ir-risuxxitazzjoni, għamlulu chest compressions u intubawh, filwaqt li ġie ttrattat ukoll għall-kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-ġrieħi f’sidru.
Kyere ngħata wkoll id-demm minħabba t-telf estensiv li kien sofra.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn komplew l-isforzi biex jiġi salvat, iżda t-tobba ma rnexxielhomx jerġgħu jġibulu l-polz u miet ftit wara.
Joslin kien identifika wkoll ġrieħi li kienu konsistenti ma’ feriti difensivi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonett u Michael Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur Wayne Camilleri.
L-Avukata Josette Sultana dehret għal Kwaku taħt l-għajnuna legali.
Il-ġuri kien ippresedut mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.