Tliet snin ħabs għaż-żagħżugħ li saq fis-sakra, tela' fuq il-bankina fil-Balluta u qatel ġuvni

Tim Scholten, ta’ 19-il sena, kien miet wara dan l-inċident li seħħ fis-6 ta’ Lulju 2018 filwaqt li kienu ttajru seba' persuni oħra

Żagħżugħ li meta kien qed isuq fis-sakra spiċċa fuq il-bankina, fil-Balluta u tajjar diversi persuni u qatel wieħed, ingħata sentenza ta’ tliet snin ħabs u ġie pprojbit milli jsuq għal sentejn wara li jiskonta s-sentenza.

Tim Scholten, ta’ 19-il sena, kien miet wara dan l-inċident li seħħ fis-6 ta’ Lulju 2018.

Michael Caruana Turner, li għandu 24 sena, instab ħati li kkawża l-mewt ta’ Scholten bi traskuraġni. Instab ħati wkoll li weġġa’ seba’ persuni oħra u li kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol.

L-akkużat kien qed isuq b’veloċità ta’ 100kph meta tilef il-kontroll tal-vettura u spiċċa fuq il-bankina, tant li l-karozza ma waqfitx mill-ewwel imma baqgħet titkaxkar sakemm waqqfet u mblokkat il-bankina.

Iż-żagħżugħ kien ipprova jaħrab minn fuq il-post u meta kien arrestat kien ta informazzjoni personali falza lill-Pulizija. 

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha saħqet li sentenza ta’ ħabs effettiva mhijiex imposta dejjem meta tinqatel persuna, iżda minħabba s-serjetà ta’ dan il-każ, it-traskuraġni u n-negliġenza tas-sewwieq, ma setgħetx tiddeċiedi mod ieħor. 

Għamlet referenza wkoll għall-fatt li ż-żagħżugħ għandu kondotta nadifa, familja stabbli, xogħol stabbli u anke kellu jfittex l-għajnuna minħabba dak li ġara. Minkejja dan kollu, il-Qorti saħqet li huwa jibqa’ responsabbli tal-aġir tiegħu u dak li seħħ.

“Il-ħajja hija xi ħaġa serja u l-fatt li wieħed jieħu l-ħajja ta’ ħaddieħor, anke jekk mhux b’mod volontarju imma b’negliġenza, traskuraġni u sewqan perikoluż, ma jistax ma jkunx meqjus bis-serjetà,” temmet tgħid il-Maġistrat Gabriella Vella.

More in Qrati u Pulizija