L-ebda bank lokali mhu jaċċetta li joffri servizz lir-ristoranti involuti fi proċeduri ta' ħasil ta' flus

Qal dan l-amministratur li tqabbad mill-Qorti biex jamministra l-kumpanija wara r-ristoranti Porticello u Capo Mulini

Hekk kif kompla l-każ kontra Florinda Sultana u Albert Buttigieg, akkużati b’ħasil ta’ flus, l-amministratur li tqabbad mill-Qorti biex jamministra l-kumpanija MS1 Catering, spjega kif l-ebda bank lokali mhu qed jaċċetta li jkollhom kont bankarju u saħaq li dan qed jikkawża problemi fl-operat tar-ristoranti.

Sultana u Buttigieg tressqu l-Qorti wara investigazzjoni fuq numru ta’ kumpaniji li joperaw ir-ristoranti Porticello fil-Belt Valletta u Capo Mulini f’Marsaxlokk. Qed ikun allegat li ż-żewġ ristoranti kienu involuti f’ħasil ta’ flus assoċjat mat-traffikar taż-żejt.

Iż-żewġ persuni ġew arrestati s-sena li għaddiet wara operazzjoni kbira mill-Pulizija kontra t-traffikar taż-żejt li kienet waslet għall-arrest tal-eks footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti, l-awditur Chris Baldacchino u l-aġent taż-żejt Gordon Debono.

Kollha kemm huma qed jiċħdu l-akkużi.

L-amministratur kien tqabbad biex jamministra l-kumpanija MSI Catering li għandha ż-żewġ ristoranti. Fil-Qorti spjega kif iż-żewġ ristoranti bħalissa qed jaċċettaw biss flus kontanti hekk kif l-ebda bank mhu qed jaċċetta li jipprovdilhom servizz. 

L-Avukat Stefano Filetti, filwaqt li kkonferma s-sitwazzjoni, saħaq li s-sitwazzjoni hija parzjalment tort tal-Istat għax poġġa lil dawn il-persuni daharhom mal-ħajt. Saħaq li l-Istat l-ewwel għamel minn kollox biex iwaqqaf l-operat tar-ristoranti u issa qed jikkawża ostakli biex ikunu amministrati.

Il-Qorti nnutat ukoll kif l-amministratur mar oltre minn dak li kellu jagħmel u ingaġġa xi nies biex jassistuh. Fi kliem il-Qorti, dan żied l-ispejjeż.

Xehdu wkoll diversi ħaddiema tar-ristoranti li identifikat lil Buttigieg bħala "l-boss" tagħhom. Saħqu li kienu jitħallsu permezz ta’ trasferiment bankarju minn Luzzu Catering jew inkella ġieli anke fi flus kontanti.

Il-każ se jkompli fid-19 ta’ Lulju.

More in Qrati u Pulizija