Jgħid li spiċċa fiċ-ċella tal-iżolament wara li tkellem fil-Qorti fuq 'kampanja ta' terrur' fil-ħabs

Brian Vella, priġunier, qed jisħaq li lest jixhed taħt ġurament dwar is-siġġu tat-torturi li l-gazzetta ILLUM kienet żvelat l-eżistenza tiegħu

Priġunier li fetaħ proċeduri fil-Qorti minħabba dawk li hu qed jiddeskrivi bħala “terrur sistematiku,” fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ressaq applikazzjoni oħra quddiem il-Qorti jisħaq li wara li għamel dawn l-allegazzjonijiet, tpoġġa f’iżolament.

Brian Vella, ta’ 41 sena, qal li tpoġġa fiċ-ċella tal-iżolament u mhux qed jitħalla jagħmel kuntatt barra mill-ħabs.

Il-priġunier qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs, wara li kien instab ħati ta’ omiċidju doppju. Il-ġimgħa li għaddiet huwa lmenta dwar il-mod kif qed jiġu ttrattati l-priġunieri bil-barka tad-Direttur tal-Ħabs, Alexander Dalli.

Vella qed jisħaq li hu lest jikkonferma taħt ġurament dwar “is-siġġu tat-torturi” li l-gazzetta ILLUM kienet żvelat l-eżistenza tiegħu, anke jekk kemm Dalli u anke l-Ministru Byron Camilleri kienu qalu li dan ma jeżistix.

Saħansitra qed jisħaq li ra gwardjani tal-ħabs joħorġu bi priġunier mejjet, mingħajr l-ebda spjegazzjoni, f’Settembru tal-2018.

Fix-xhur u s-snin li għaddew intqal ħafna wkoll fuq id-Diviżjoni 6, li saħansitra kienet ikkundanna mill-Kumitat tal-Ġnus Magħquda għall-Prevenzjoni tat-Tortura. Kien intqal kif f’ċella li suppost fiha jkun hemm priġunier wieħed, kienu qed jitpoġġew żewġ priġunieri.

Kien intqal ukoll li fid-Diviżjoni kien hemm aċċess limitat għad-dawl naturali u anke għall-ventilazzjoni. Fiċ-ċelel kien hemm biss sodda waħda, saqqu mal-art u toilet mingħajr l-ebda bieb jew privatezza.

L-Avukat Jason Grima, li qed jidher għall-priġunier, qed jitlob li Vella jinħareġ mill-ħabs minħabba “periklu imminenti” għas-saħħa fiżika u psikoloġika tiegħu.

L-Avukat qal ukoll li wara li għamel dawn id-dikjarazzjonijiet, meta rritorna fiċ-ċella, Vella sab kollox imqalleb.

'Jeżistu recordings li jixhdu mod ieħor' -  Il-ħabs iwieġeb

Intant, l-Aġenzija għas-Servizzi qed tiċħad b'mod kategoriku dak allegat u saħqet li jeżistu recordings li jixhdu mod ieħor. 

“Għaldaqstant, l-Aġenzija se tkun qed twieġeb dawn l-allegazzjonijiet fid-dettall fil-proċeduri fil-qrati,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Qrati u Pulizija