L-aħwa Degiorgio jiddeskrivu d-deċiżjoni tal-Kabinett biex ma jingħatawx maħfra bħala tat-tqalliegħ

L-avukat taż-żewġ irġiel jisħaq li huwa tat-tqalliegħ li l-istat jagħmel minn kollox biex jgħatti dak li l-aħwa jistgħu jikxfu

L-aħwa Alfred u George Degiorgio, li qed ikunu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fetħu protest ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kabinett li fissret li huma mhux se jkunu qed jieħdu l-maħfra presidenzjali, deċiżjoni li l-aħwa Degiorgio jsejħu "tat-tqalliegħ."

Fil-protest dalgħodu ffirmat mill-avukat tal-aħwa Williiam Cuschieri, l-aħwa jisħqu illi huma qed jitolbu għall-maħfra presidenzjali biex jagħtu informazzjoni li jgħidu illi hija diretta u mhux x'qalilhom xi ħadd.  Huma reġgħu sostnew illi jekk jingħataw din il-maħfra huma jidentifikaw kemm eks Ministru kif ukoll Ministru kurrenti, f'reati serji ħafna.

L-avukat qal illi sal-lum lanqas biss kien hemm rikonoxximent tar-rikjesti tal-aħwa u li l-informazzjoni li l-maħfra mhux se tingħatalhom saru jafu biha minn fuq il-portals u l-aħbarijiet.  Fil-fatt huma jisħqu li ħadd ma kkuntattjahom biex jisma' x'għandhom xi jgħidu qabel il-Kabinett iddeċieda jew qabel il-Ministru Carmelo Abela rrekuża ruħu mill-istess laqgħa u l-vot tal-Kabinett.  Minkejja li rrekuża lilu nnifsu mill-laqgħa l-Ministru Abela ppreċiża li kien qed jagħmel dan fid-dawl ta' akkużi kontrih, imma insista li l-akkużi mhumiex veri. 

Abela fetaħ każ il-Qorti kontra d-Deputat Jason Azzopardi, li implika lil Abela fl-attentat ta' serqa tal-HSBC fl-2010. 

L-avukat tal-aħwa qal illi stat normali huwa obbligat li jsolvi l-każi kollha, speċjalment dawk ta' natura serja ... "l-istat f'dan il-każ qed iġib ruħu biex iwaqqaf milli l-verità ssir magħrufa."

L-aħwa qalu illi l-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu, tant li jakkużaw lill-Gvern illi minflok qed jagħmel arranġamenti "ma' persuna li għandha biss informazzjoni second hand" - f'referenza għal Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu

L-avukat qal illi l-aħwa riedu jitlaqgħu ma' MEPs - hekk kif kienu talbu li jiltaqgħu mal-MEP David Casa u l-Portugiża Ana Gomes, liema talba dawn it-tnejn ma laqgħux - għax huma kienu qed jibżgħu li kwalunkwe talba ta' maħfra  se tkun deċiża minn nies li huma se jinkriminaw. 

"Għal uħud huwa tat-tqalliegħ li jintlaħaq qbil għal maħfra presidenzjali fil-konfront ta' dawk li jsejħu kriminali ... imma li huwa vera tat-tqalliegħ huwa li l-istat jew parti minnu huwa l-mandant jew involut f'assassinju u reat ieħor serju ... u (l-istat) jagħmel minn kollox biex jgħatti dak li l-aħwa jistgħu jikxfu."

Huma talbu lill-Qorti tiddikjara d-deċiżjoni tal-Kabinett bħala waħda "nulla" u "invalida."

 

More in Qrati u Pulizija