L-akkużat bil-qtil f'Santa Luċija kien juża l-mowbajl u karta ta' kreditu tal-vittma

Id-data mill-mowbajl poġġiet lis-suspettat bil-qtil ta' raġel f'Santa Luċija fuq ix-xena tad-delitt ta' Victor McKeon

Is-supretendent Keith Arnaud qal lill-Qorti illi d-data mill-mowbajl poġġiet lis-suspettat bil-qtil ta' raġel f'Santa Luċija, il-Libjan Samir Almiri, fuq ix-xena tad-delitt meta Victor McKeon inqatel f'Marzu li għadda.

McKeon miet wara li ġie fgat u qala' daqqa f'rasu, sema' l-Maġistrat Joe Mifsud dalgħodu. 

Il-mowbajl li kien tal-vittma juri illi l-akkużat - li qed jiċħad l-akkużi kontrih - kellu l-mowbajl tiegħu u tal-vittma ħdejn xulxin filwaqt li kien qed jirċievi sms kull darba li kien qed juża l-karta ta' kreditu tal-istess vittma. Filmati elevati minn ATM u CCTV juru lill-akkużat juża l-karta ta' kreditu tal-vittma waħdu. 

Il-mobile ta' Almiri kien lokalizzat f'Santa Luċija nhar l-14 u l-15 ta' Marzu bil-patoloġisti jgħidu illi l-vittma kien diġa' mejjet dakinhar.  Biljetti ta' tal-linja li nstabu fl-appartament ukoll kienu ntraċċati lura għall-akkużat permezz ta' filmati fuq tal-linja. 

Nhar is-16 ta' Marzu mbagħad l-akkużat kien qabad titjira diretta lejn il-Marokk għalkemm kellu problemi malli wasal fil-pajjiż mal-uffiċjali tal-immigrazzjoni. 

Fuqu instabu żewġ mowbajls

L-akkużat qal lill-pulizija li hu ġieli kien jorqod għand il-vittma imma kien ilu ma jmur xaharejn wara li ħu l-vittma heddu.  Huwa qal li l-vittma kien tah il-mobile biex ikun jista' jċempillu.  Huwa akkuża lill-pulizija li ffabrikaw l-evidenza kontrih. 

Fuq il-basktijiet tal-plastik użati għaż-żibel instabu wkoll il-marki tas-swaba tal-akkużat, li qal illi dan probabbilment ġara minħabba li kien mess l-istess basktijiet qabel. 

Il-każ ikompli nhar it-23 ta' Diċembru. 

More in Qrati u Pulizija