Jesper Kristiansen jagħżel li ma jgħidx kelma waħda lill-Pulizija dwar id-delitt doppju f'Tas-Sliema

Il-marki tas-swaba tiegħu jaqblu ma' dawn li nstabu fuq il-vettura li ntużat waqt id-delitt

Id-Daniż suspettat li huwa t-tielet persuna involuta fil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski ma għadda l-ebda informazzjoni lill-Pulizija dwar dan il-qtil, hekk kif huwa ġie estradit lura lejn Malta fl-aħħar jiem.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Jesper Kristiansen ta’ 30 sena bdiet dalgħodu.

Dalgħodu xehed is-Supretendent James Grech li spjega kif kien l-akkużat Daniel Muka li ta l-informazzjoni dwar iż-żewġ persuni l-oħra li kienu miegħu meta pprovaw jidħlu fid-dar ta’ Pandolfino u Maciejowski, fejn ġew sparati t-tiri li qatlu lill-koppja.

Muka saħansitra saħaq li ma kienx hu li spara dawn it-tiri iżda insista li l-ewwel ma spara kien Kristiansen.

Skont is-Supretendent, nhar is-26 ta’ Awwissu, Muka kien ma’ Kristiansen fil-karozza meta waqfu biex jitolbu lill-Viktor Dragomanski jgħinghom f’biċċa xogħol li kellhom iwettqu.

Jidher li Dragomanski kien baqa’ fil-karozza u daħal biss wara li kienu ġew sparati t-tiri.

Grech spjega kif il-Pulizija kienu kellmu lit-tfajla Ungeriża ta’ Jesper Kristiansen li kienet infurmathom li hu telaq mill-pajjiż fit-28 ta’ Awwissu, jumejn wara d-delitt.

Kien hawn li nħareġ mandant ta’ arrest kontrih u ġie arrestat fi Spanja fit-30 ta’ Awwissu. Il-Pulizija Spanjola bagħtu l-marki tas-swaba tiegħu lill-Pulizija Maltija u dawn qablu ma’ dawk li nstabu mal-bieba tal-vettura li ntużat fid-delitt.

Meta hu kien estradit lejn Malta, Kristiansen għażel li jibqa’ sieket quddiem il-Pulizija.

More in Qrati u Pulizija