Laptop, mowbajls, sim cards u kamera moħbija f'air freshener ... Esperti tal-Europol jippreżentaw l-evidenza

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li l-Europol għandha f'idha eluf ta’ messaġġi li Yorgen Fenech kellu ma' diversi persuni ta' interess fosthom politiċi

Illum esperti tal-Europol xehdu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech fejn ippreżentaw id-data kollha meħuda mill-mowbajl u mit-tagħmir elettroniku tal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-fatt l-esperti ppreżentaw għadd ta' data miġbura minn tagħmir miġbur mill-uffiċini, ir-residenza u anke minn fuq il-jott Gio tal-istess Yorgen Fenech.

Ix-xhieda kienu Constantinos Petru mill-Greċja, Israel Torres minn Spanja u Giuseppe Totaro mill-Italja. Kull wieħed ippreżenta rapporti dwar id-data li ħarġu mit-tagħmir ikkonfiskat u li huma kienu responsabbli għalih.

Informazzjoni miġbura minn Level 21 f'Portomaso...

Petru qal li hu eżamina l-informazzjoni kollha li ġabar minn Level 21 f'Portomaso fejn hemm diversi uffiċini, fosthom taċ-Chairperson u anke tas-Segretarja. 

Spjega kif l-esperti ingħataw kamra fl-uffiċini tal-Pulizija biex mit-tagħmir miġbur ikun jista' jieħu l-informazzjoni. L-esperti biss kellhom iċ-ċavetta għal din il-kamra.

L-informazzjoni kollha ġiet maħżuna fuq hard drives li l-esperti ppreżentaw lill-Qorti. Kull espert ipprepara rapport dwar l-oġġetti li eżaminaw u kull wieħed kien responsabbli minn tagħmir elettroniku partikolari, fosthom laptop.

Fil-folder imsemmi 'exhibits' hemm ritratti ta' dak kollu li sabu. Folder ieħor jġib l-isem 'extractions' u jinkludi l-informazzjoni. 

Kull xhud xehed dwar ir-rapport tiegħu u spjegaw fid-dettall kif ġabru l-informazzjoni fosthom il-metodoloġija li ntużat biex jaċċessaw id-data.

Ir-rapporti jispjegaw meta d-data ġiet aċċessata u d-dettalji dwar xi nstab fil-hard drive.

Malli Petru temm ix-xhieda tiegħu, l-Avukat Jason Azzopardi staqsih jekk jistax jgħid fil-qosor x'sab fil-laptop jew inkella x'ħareġ minnu iżda l-espert wieġeb li xogħlu kien biss li joħroġ id-data.

Staqsih ukoll għaliex l-operazzjoni tlaqqmet: "Operation Blue Elephant." L-espert qal li l-isem intgħażel mill-grupp tal-armi u l-isplussivi, biex ikun isem komuni għalihom.

Diversi oġġetti kkonfiskati minn fuq il-cabin cruiser Gio...

It-tieni xhud, Giuseppe Totaro, kien, fost oħrajn responsabbli biex jiġbor id-data minn tagħmir li nġabar minn fuq il-cabin cruiser Gio, li minn fuqu ġie arrestat Fenech.

B'kollox, minn fuq Gio, ġew ikkonfiskati seba' oġġetti li tiegħu dan l-espert kien responsabbli. (Espert ieħor analizza aktar tagħmir li ġie kkonsifkat minn fuq il-jott. Ara aktar 'l isfel).

It-tagħmir, jispjega l-espert, ġie analizzat mis-Servizzi Sigrieti Maltin.

Fost l-oġġetti li Totaro kien responsabbli minnhom, hemm żewġ iphones u żewġ sim cards.

Rapport ieħor li dwaru xehed Totaro hemm informazzjoni dwar il-ġbir tad-data minn tagħmir ikkonfiskat mir-residenza ta' Yorgen Fenech f'Portomaso. L-espert qal li hu rċieva ħames evidence bags.

Wi-Fi Air Freshener Camera fid-dar ta' Yorgen...

L-Ispettur Keith Arnaud staqsa wkoll fejn huma dawn is-seba' oġġetti. Totaro jgħid li għad għandu 2 iPhones u 2 sim cards u li dawn waslu għandu f'Ottubru 2020.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lill-espert dwar it-tagħmir miġbur mir-residenza ta' Fenech fosthom Wi-Fi Air Freshener Camera. Staqsa jekk din hijiex kamera għall-ispjunaġġ.

L-espert spjega li din hija kamera li taħdem bil-Wi-Fi u li dakinhar tal-eżaminazzjoni ma kellhiex memory card. Għalhekk minnha ma ttieħdet l-ebda data.

It-tielet xhud: PC, iPhone, tliet USB u 17-il DVD u aktar tagħmir minn fuq Gio

It-tielet xhud, Israel Torres, analizza, kompjuter, tliet USB, iPhone u envelope li kien fih 17-il DVD. 

Fil-fatt, skont dan l-espert, huwa eżamina 21 tagħmir elettroniku ieħor li ġie kkonfiskat minn fuq il-jott Gio.

Kemm mid-DVDs u anke mill-iPhone ma ttieħdet l-ebda informazzjoni.

L-Avukat Jason Azzopardi għamel ukoll sensiela ta' mistoqsijiet lil dan l-espert, b'mod partikolari dwar sim cards ta' Monaco Telecom li ġew elevati minn fuq il-jott. Staqsih ukoll dwar in-nano sim card li jsemmi r-rapport, bl-espert jisħaq li din hija intenzjonata biex tipprovdi servizz ta' telefonija u data.

X'ingħad fix-xhur li għaddew?

Matul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, fix-xhur li għaddew, issemma kemm-il darba li Fenech kellu, fost oħrajn, chats fuq Whatsapp mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u anke mal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Muscat, Schembri u anke l-eks Ministru Konrad Mizzi kienu mitkellma mill-Pulizija dwar dan.

Il-gazzetta ILLUM stess kienet żvelat kif hemm eluf ta’ messaġġi li Yorgen Fenech kellu ma' diversi persuni ta' interess u li kienu jew għadhom parti mill-Gvern jew inkella li kellhom karigi u kienu qrib il-Partit Nazzjonalista, fosthom viċin l-eks Kap Adrian Delia

Daphne Caruana Galizia nqatlet f’Ottubru tal-2017, b’Yorgen Fenech jisħaq li kien Schembri li ordna l-qtil tal-vittma.

Tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza ntqal ukoll li Schembri, fost oħrajn, kien qed jgħaddi lil Fenech informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni u anke l-arresti.

Schembri kien ikkonferma li ftit ħin qabel Fenech pprova jħalli Malta permezz tal-jott tiegħu, huwa kien kellmu u saħansitra wissih biex ma jħallix il-pajjiż.

Apparti minn hekk, kien allegat ukoll li Schembri kiteb ittra li waslet għand Fenech ftit wara l-arrest tiegħu u li kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa’ l-ħtija kollha fuq l-eks Ministru Chris Cardona, li ċaħad li b’xi mod kien involut.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista, qal li l-motiv wara l-qtil għadu mhuwiex magħruf.

Intqal ukoll li l-informazzjoni u l-investigazzjoni tal-Europol fuq il-mowbajl ta’ Fenech waslet għal diversi investigazzjonijiet oħra mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Reati Finanzjarji.

More in Qrati u Pulizija