Vittma ta' sparatura ma jixhidx fil-Qorti għax kellu t-temperatura għolja

Vince Gaffarena kellu jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Owen Schembri u Leon Debono

Saviour Gaffarena (xelluf) u kuġinuh Vince (lemin)
Saviour Gaffarena (xelluf) u kuġinuh Vince (lemin)

Vince Gaffarena, iż-żagħżugħ ta' 17-il sena li safa vittma ta' sparatura meta kien ma kuġinuh Saviour Gaffarena, li kien tilef ħajtu fuq il-post, ma setax jixhed fil-Qorti hekk kif qabel daħal fil-binja rriżulta li kellu d-deni.

Gaffarena kien intlaqgħat minn tiri f'wiċċu f'Lulju li għadda. Hu salva, iżda kuġinuh miet. 

Vince Gaffarena huwa x-xhud ewlieni f'dan il-każ iżda qabel daħal il-Qorti, meta tteħditlu it-temperatura, irriżulta li din kienet ogħla min-normal u għalhekk ma setax jitħalla jidħol.

Huwa kellu jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Owen Schembri u Leon Debono li qed ikunu akkużati bi qtil u b'attentat ta' qtil, rispettivament.

Fost xhieda oħra llum, kien hemm l-Ispettur Keith Arnaud li spjega kif l-akkużati qalu li ż-żewġt vittmi kienu qed jieħdu d-droga meta nqala' l-argument bejniethom.

Gaffarena ma setax jitkellem għal diversi jiem għax it-tir laqtu eżatt f'ħalqu. Huwa kien mitkellem mill-Pulizija fl-isptar stess.

Skont Arnaud, Gaffarena spjega kif kien qed isuq meta Owen Schembri urih arma tan-nar li kien qed iġorr.

Spjega kif f'daqqa waħda qam argument li ma jafx dwar xiex kien. Insista li Schembri kien isir bniedem differenti meta jieħu d-droga.

Il-każ ikompli fit-12 ta' Novembru.
 

More in Qrati u Pulizija