Il-pulizija qatt ma interrogaw lil Yorgen Fenech u Keith Schembri dwar 17 Black

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jixhed waqt l-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-pulizija qatt ma interrogaw lil Yorgen Fenech u lanqas qatt ma bagħtu għal Keith Schembri dwar il-kumpanija 17 Black.  Dan ħareġ illum mix-xhieda fl-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li ta l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Mistoqsi mill-avukat Therese Comodini Cachia l-eks Kummissarju Cutajar sostna li malli l-pulizija rċeviet l-informazzjoni nhar is-27 ta' Marzu 2018 minn Ian Abdilla, bdew l-investigazzjonijiet immedjatament.  L-Ispetturi Ray Aquilina u Antonovic Muscat kienu bdew jinvestigaw banek fl-Olanda, l-Iżvizzera, il-Montenegro, iċ-Ċina u L-Emirati Għarab Magħquda.  

L-eks Kummissarju kien mistoqsi imll-avukat tal-familja Caruana Galizia, Therese Comodini Cachia, jekk qatt ġie mgħajjat Yorgen Fenech dwar 17 Black - wara li l-informazzjoni li hu kien sidha u r-rabtiet li kellha mal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, kienet żvelata f'Novembru 2018 minn Rueters. 

Cutajar wieġeb illi qabel il-pulizija tmexxi jrid ikollha l-evidenza f'idejha.  Għandek bżonn lil xi ħadd li jikxef.  Sa fejn naf jiena l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin ... aħseb u ara fl-istadju daqstant kmieni li semmejt."

Hu kien mistoqsi dwar laqgħa ma' Yorgen Fenech f'Portomaso illi fiha l-Ispettur Abdilla kellu jistaqsi dwar 17 Black, iżda li ma saritx wara li l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta ċempel lill-Abdilla u qallu ma jmurx għax Fenech kien ma jiflaħx.  L-eks Kummissarju kien mistoqsi jekk staqsiex lil Valletta kif dan kien jaf li Fenech ma jiflaħx.

Fil-karriera tiegħek tgħid li hija normali li uffiċjal tal-pulizija jkun jaf li persuna ta' interess ma tiflaħx?  Għalfejn il-pulizija kienu sejrin għandu u mhux viċi versa?

"Ma staqsejtx.  Ma ħassejtx li kelli nistaqsi," iwieġeb Cutajar. 

Iktar tard irriżulta li Valletta u Fenech kellhom ħbiberija kbira, kienu siefru flimkien u saħansitra ulied Yorgen Fenech kien isejħu lill-eks Assistent Kummissarju 'ziju'.

Kien hawn li l-avukat Comodini Cachia staqsiet jekk il-Pulizija kinux għajjtu lil Keith Schembri dwar 17 Black.  Iżda hawn ukoll l-eks Kummissarju Cutajar wieġeb fin-negattiv u reġa' fakkar li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin. 

17 Black kienet kumpanija miftuħa minn Yorgen Fenech fid-Dubaj u dwarha Daphne Caruana Galizia żvelat ftit li xejn, pero indikat li kienet taf bl-eżistenza tagħha u l-post fejn kienet miftuħa.  Aktar tard, wara li nqatlet, irriżulta li 17 Black hija ta' Yorgen Fenech u email minn Nexia BT żvelata minn reuters kienet turi illi din il-kumpanija kienet target client ta' Hearnville u Tillgate - il-kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi. Kien żvelat ukoll li f'din il-kumpanija daħlu $1.6 miljun - ikkonfermata mill-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda, meta 17 Black kienet magħluqa u l-kont tagħha magħluq mill-Bank Noor. 

Kien żvelat li minn dawn $1.4 miljun kienu ġejjin minn raġel mill-Ażerbajġan li kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà f'sit ta' kostruzzjoni fl-istess pajjiż.  $200,000 oħrajn kienu, allegatament, ġejjin mill-aġent lokali tat-tanker tal-gass.

More in Qrati u Pulizija