Mill-Mellieħa sa' Portomaso: X'kien fihom il-karti li Keith Schembri għadda lil Yorgen permezz tat-Tabib Vella?

It-Tabib Adrian Vella jixhed kif kien mar il-Mellieħa fejn Keith Schembri qallu jiġbor sitt karti rashom 'l isfel u jeħodhom lil Yorgen Fenech.  Malli rahom Fenech qal ...

Waqt li kien qed jixhed illum fil-Qorti it-Tabib Adrian Vella, li kien it-tabib ta' Yorgen Fenech u li llum jirriżulta illi għal xi żmien kien ta' Keith Schembri wkoll, xehed kif darba nhar ta' Ħadd l-istess Fenech ċempillu u qallu biex jiltaqa' l-Mellieħa ma' Keith Schembri.  L-eks Chief of Staff f'Kastilja kien ċempillu u qallu biex imur id-dar tiegħu li tinsab fiż-żona ta' Santa Maria Estate, il-Mellieħa. 

"Stennejt qisu 20 minuta u mbagħad niżel Keith," qal Vella jispjega x'ġara dakinhar.  Fuq l-istruzzjonijiet ta' Fenech, Keith Schembri qal lil Vella biex jiġbor xi karti - sitt karti rashom 'l isfel li kienu fuq id-desk tal-eks Chief of Staff. 

"Keith Schembri pponta lejn il-karti ..." jgħid Vella li jsostni illi dawn il-karti qatt ma daru u malli ħadhom twihom u baqa' sejjer bihom Portomaso, fejn kien hemm Fenech flimkien ma' uliedu u martu.

"Qatt ma daru l-karti.  Jiena bniedem mistħi u qatt ma nindaħal fi ħwejjeġ in-nies," sostna Vella.

L-akkuża prinċipali hawnhekk hija li Vella kien il-messaġġier ta' Yorgen Fenech biex il-ħtija tal-assasinju ta' Daphne Caruana Galizia jitpoġġa fuq l-eks Ministru Chris Cardona.  Huwa allegat li kien hemm ittra anonima li tpoġġi l-ħtija fuq Cardona. 

Vella jispjega kif malli wasal Portomaso, Fenech ħataf il-karti minn idejh, ħares lejhom u beda jħażżeż xi ħaġa fuqhom.  Jixhed illi l-intraprenditur akkużat bil-qtil tal-ġurnalista fl-2017 qal: 'Ma jistax ikun. Sabbat il-karti u qal daqshekk!'

Iktar tard, għall-mistoqsijiet tal-avukat Gianluca Caruana Curran, it-Tabib Vella jixhed kif fil-ħin li kien Portomaso Keith Schembri ċempel lil Yorgen Fenech, li ħa t-telefonata fil-privat.  Vella jixhed illi din it-telefonata damet madwar tliet minuti imma hu ma jafx kinitx fuq il-karti li hu għadda.

It-tabib jispjega kif hu telaq minn Portomaso u ftit sigħat wara ġew il-pulizija jarrestawh.  F'dan il-punt tax-xhieda hu jinfaqa' jibki. 

Intant xħin il-pulizija kienu qed iħabbtu hu (Vella) ċempel lil Keith Schembri li qallu biex ma jiftaħx.  Meta qallu li Pulizija Schembri wieġeb biex jiftaħ u ordnalu jħassar il-Whattsapp chat li kien hemm bejniethom. 

(Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat)

More in Qrati u Pulizija