Disa' xhur ħabs għal 22 immigrant wara li qajmu rewwixta f'Ħal Safi

Ir-rewwixta seħħet fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi, fis-6 ta’ Jannar

22 immigrant, tnejn minnhom minuri, ingħataw sentenza ta’ disa’ xhur ħabs u mmultati €800 kull wieħed wara li nstabu ħatja bl-involviment tagħhom f’rewwixta fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi, fis-6 ta’ Jannar.

L-immigranti, kollha rġiel li għandhom bejn il-15 u l-44 sena, instabu ħatja li rreżistew l-arrest, li insultaw u heddew uffiċjali tal-pulizija, li weġġgħu ħafif lill-uffiċjali, li ma obdewx l-ordnijiet, li pparteċipaw f’rewwixta, li tefgħu ġebel u oġġetti oħra u li kkawżaw ħsara fuq proprjetà tal-Gvern.

Il-maġġoranza tal-immigranti huma mis-Sudan. L-oħrajn mill-Etjopja, il-Libja, l-Alġerija, il-Guinea, l-Eġittu, l-Eritrea u l-Cameroon.

Ir-rewwixta seħħet fis-6 ta’ Jannar li għadda, għall-ħabta tad-9pm, meta l-immigranti bdew ineħħu ċnagan tal-ġebel mill-binja u jwaddbu l-ġebel lejn l-uffiċjali.

Dan ikkawża ħsara lid-dormitorji u l-kamra tal-uffiċjali tad-detenzjoni.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-immigranti pprovaw jiġru lejn il-grada u attakkaw lill-Pulizija u lill-uffiċjali tad-detenzjoni.

More in Qrati u Pulizija