Il-Koħħu mħasseb li Keith Schembri seta' ħadem biex hu ma jingħatax il-maħfra Presidenzjali

Vince Muscat jikteb lill-President biex jitlob mill-ġdid il-maħfra Presidenzjali

Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kiteb lill-President tar-Repubblika biex jitlob il-maħfra Presidenzjali, għax fi kliemu għandu ħafna informazzjoni importanti x'jgħaddi.

Huwa insista li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kellu sehem fid-deċiżjoni biex hu ma jingħatax il-proklama.

Fl-ittra mibgħuta lill-President, Vince Muscat saħaq li matul diversi laqgħat li kellu minn April tal-2018 mal-Ispettur Keith Arnaud, huwa għadda informazzjoni importanti u kruċjali dwar il-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Insista li bis-saħħa ta’ din l-informazzjoni, il-Pulizija wasslet għall-arrest ta’ Melvin Theuma, l-intermedjarju li ngħata l-maħfra Presidenzjali fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

“L-ironija hija li l-istess persuna li Vince Muscat semma lill-investigaturi, issa se jkun qed jinġieb mill-prosekuzzjoni biex jixhed kontra Vince Muscat innifsu,” tisħaq l-ittra.

Fil-fatt, f’kummenti ma’ Reuters, mart Vince Muscat ukoll saħqet li l-maħfra kellha tingħata lil żewġha u mhux lil Theuma għax kien hu li għadda l-informazzjoni kruċjali li l-Pulizija kellha bżonn.

Fl-ittra, Vince Muscat jimplika li Kieth Schembri seta' ħadem biex hu ma jingħatax il-maħfra Presidenzjali.

Kien għalhekk li l-ittra tkompli tisħaq li Muscat, wara l-aħħar żviluppi, huwa mħasseb li d-deċiżjoni dwar l-ewwel talba għall-proklama setgħet kienet influwenzata minn persuni li għandhom interess “dirett jew indirett” li jtawlu l-investigazzjonijiet.

“Għalkemm Vince Muscat mhux qed jimplika li kien hemm pressjoni jew interferenza fuq l-Onorevoli Prim Ministru meta ddeċieda  jirrakkomandax jew le li tiffirma l-proklama għal Melvin Theuma, Vince Muscat jinsisti bil-qawwa li s-sitwazzjoni hija ‘l bogħod mill-ideal. Mhux biss għandha ssir ġustizzja iżda din għandha tidher li qed ssir," kiteb l-avukat lill-President George Vella.

L-ittra tfakkar ukoll li l-Prim Ministru qal ċar u tond li d-deċiżjoni dwar jekk jirrakkomandax il-maħfra lil Melvin Theuma ħadha waħdu, bl-awtorità kienet delegata lilu mill-Kabinett.

Tkompli tgħid li t-tħassib ta’ Muscat kiber minħabba l-fatt li l-ġimgħa li għaddiet, il-kabinett tlaqqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-proklama mitluba minn Yorgen Fenech.

Kien għalhekk li l-avukat insista li Vince Muscat ma jistax iserraħ rasu għax id-deċiżjonijiet dwar iż-żewġ talbiet, jiġifieri dik ta’ Theuma u ta’ Fenech, ittieħdu b’mod kuntrastanti ħafna.

Għalhekk, Vince Muscat reġa’ għamel din it-talba bil-għan li din id-darba, id-deċiżjoni tittieħed mingħajr “l-interferenza jew l-influwenza ta’ persuna jew persuni li jista’ jkollhom interess dirett jew indirett fit-talba,” u mingħajr kunsiderazzjonijiet “politiċi jew personali.

More in Qrati u Pulizija