Raġel jitressaq il-Qorti akkużat li stupra tfajla fuq l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli

It-tnejn li huma kienu għadhom kemm iltaqgħu f'party

Raġel tressaq il-Qorti akkużat li stupra tfajla fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli wara li t-tnejn li huma ltaqgħu f’party.

L-akkużat li għandu 32 sena mill-Ungerija, tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit dalgħodu, akkużat mill-Ispettur Stacy Attard bl-istupru tat-tfajla Maltija li fil-ħin tal-allegat stupru, kienet fis-sakra. 

Huwa kien akkużat ukoll b’sewqan perikoluż, li kien taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga u li kellu mniżżel indirizz falz fuq id-dokumenti tal-identità.

L-allegat stupru seħħ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. 

L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi u talab għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur saħqet li l-attakk ħalla lit-tfajla mwerwra u għalhekk appellat biex ir-raġel jinżamm arrestat.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Franco Debono, li flimkien ma’ Amadeus Cachia qed jidhru għall-akkużat, saħqu li r-raġel lanqas biss jaf lill-vittma, aħseb u ara kemm ser jersaq lejha.

“Sar jafha dakinhar, lanqas biss jaf fejn tgħix,” saħaq l-Avukat. “Ma għandnix niddiskriminaw għax huwa barrani. Ilu jgħix Malta kważi erba’ snin.”

Madanakollu, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, anke għax il-vittma għad trid tixhed.

More in Qrati u Pulizija