Sentenza sospiża għall-perit u żewġ diretturi li nstabu ħatja bi qtil involontarju

Il-każ imur lura għall-2012 meta żewġ sulari tal-lukanda Seabank iġġarfu

Perit u żewġ diretturi ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni ngħataw sentenza sospiża wara li nstabu ħatja li b'negliġenza u mingħajr ma osservaw ir-regolamenti tas-sigurtà kkaġunaw il-mewt ta’ ħaddiem.

Il-każ Imur lura għall-2012 meta kien qed isir xogħol ta’ rinovar fil-lukanda Seabank. Waqt li l-ħaddiem kien qed iżarma armar tax-xogħol, żewġ sulari tal-lukanda Seabank waqgħu fuqu bil-konsegwenza li spiċċa mgħaffeġ. Id-diretturi tal-B&B Construction Limited u l-perit ċaħdu li, permezz tan-negliġenza tagħhom, ikkawżaw il-mewt tar-raġel ta’ 27 sena.

Fis-sentenza tagħha dwar il-kwistjoni, il-maġistrat Donatella Frendo Dimech osservat li kien jidher ċar li kien hemm nuqqas ta' komunikazzjoni bejn il-perit u l-kuntratturi. Il-qorti qalet li x-xogħol kien qed isir mingħajr ma ġie żgurat l-istabbilità tal-istruttura.

Il-Qorti qalet ukoll li ma kien hemm l-ebda dubju li n-nuqqasijiet tal-kuntratturi u tal-perit wasslu għall-mewt tal-vittma. Filwaqt li nnotat li l-emendi reċenti fis-settur tal-kostruzzjoni, il-Qorti ddikjarat li fadal ħafna xi jsir.

Il-Maġistrat enfasizza l-ħtieġa urġenti li ssir distinzjoni bejn il-perit li ffirma l-applikazzjoni tal-permess u dak li jkollu jerfa ’r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-proġett. Wara li rat l-evidenza, il-Qorti sabet lit-tliet akkużati ħatja ta’ qtil involontarju u kkundannathom għall-piena ta' sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.
Il-Maġistrat spjegat is-sentenza sospiża u argumentat li t-tliet akkużati ma kienx ħaqqhom ħabs effettiv minħabba l-attitudni tagħhom f’dan il-każ.

More in Qrati u Pulizija