Bil-Filmat | Jittellgħu l-Qorti l-immigranti akkużati li ħadu sehem fir-rewwixta ta' Ħal Far

Tressqu wkoll tliet żgħażagħ mixlija li kienu huma li qajmu l-irvell fiċ-ċentru miftuħ.

Mal-100 persuna se jkunu qed jitressqu l-Qorti matul il-ġurnata b’akkużi relatati mal-protesta vjolenti tal-bieraħ f’Ħal Far.

Fost dawn il-persuni, tliet żgħażagħ ta' 17,16 u 20 sena rispettivament ġew mixlija bħala l-persuni li qajmu dan l-irvell.

Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li talbu għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-fatt li l-akkużati ma għandhomx indirizz fiss ħlief dak taċ-ċentru miftuħ.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li ħarġet ordni ta' protezzjoni favur il-vittmi.

X'ġara pass pass...

L-ewwel li ttella' l-Qorti kien grupp ta' 20 immigranti mis-Somalja, is-Senegal, il-Guinea, il-Gambja, l-Eritrea, in-Niġerja, iċ-Chad u s-Sudan.

Dawn ġew akkużati li ma obdewx l-ordnijiet tal-Pulizija u li kisru l-paċi pubblika.

Minn dawn, 14 wieġbu ħatja. Il-bqija wieġbu mhux ħajta u talbu l-ħelsien mill-arrrest iżda din it-talba ma ġietx milqugħa.

Dawk li wieġbu ħatja ġew ordnati jagħmlu sitt ġimgħa fid-detenzjoni.Madwar

Jasal it-tieni grupp

Madwar it-3pm, wasal il-Qorti grupp ieħor ta' 24 immigrant, kollha kemm huma mis-Sudan bl-istess akkużi tal-grupp ta' qabilhom.

22 wieġbu mhux ħajta, filwaqt li tnejn biss ammettew l-akkużi.

L-etajiet tagħhom kienu jvarjaw bejn il-15 u t-38 sena.

Dawk li wieġbu ħatja ngħataw sentenza ta' sitt ġimgħat detenzjoni filwaqt li dawk li ma ammettewx l-akkużi nżammu arrestati.

Wara li ngħatat is-sentenza, żewġt irġiel riedu li jwieġbu ħatja iżda ntalbu jagħmlu dan quddiem il-Maġistrat fil-kumpilazzjoni tal-evidenza u li ż-żmien li jagħmlu taħt arrest preventiv ikun imnaqqas mis-sentenza.

Jasal it-tielet grupp

It-tielet grupp ta' 25 immigrant wasal madwar l-4pm bl-istess akkużi taż-żewġ gruppi ta' qabilhom.

Kollha kemm huma wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati.

Intant ftit tal-ħin ilu tressqu l-Qorti tmien persuni oħra b'akkużi simili. Huma wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati wkoll.

L-aħħar grupp ta' immigranti se jkun qed jitressaq il-Qorti għada filgħodu.

More in Qrati u Pulizija