Filmat | Patri Deo jammetti u jeħel sentejn ħabs sospiżi

L-eks Kappillan intalab ukoll iħallas aktar minn €9,000 lil min laħaq xtara l-oġġetti misruqa, bil-Qorti tgħid li l-Patri kien irrikattat

L-eks Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, Patri Deo Debono wieġeb ħati għal uħud mill-akkużi miġjuba kontrih u ngħata sentenza ta' sentejn ħabs sospiżi għal erba' snin.

Huwa ntalab ukoll iħallas €9,500 lil min laħaq xtara l-oġġetti misruqa mingħajr ma kien jaf.

Debono tressaq il-Qorti wara li ġie investigat b’rabta ma’ pitturi li nsterqu mill-kunvent tiegħu stess fil-Belt Valletta u anke fided mill-Monasteru tas-Sorijiet Agostinjani fil-Belt Valletta.

Fil-fatt, huwa ammetta li seraq ċensier u navetta tal-fidda mill-Monasteru ta' Santa Katarina u anke pitturi mill-Kunvent fejn hu kien jgħix bħala Kappillan. Ammetta li biegħ dawn b'qerq.

Element ta' rikatt...Patri Deo ma ħa xejn għalih innifsu

Skont il-Qorti, l-affarijiet kollha misruqa ġew rikoverati.

Qalet ukoll li fil-każ kien hemm element ta' umiljazzjoni u rikatt, iżda s-sentenza ma elaboratx fuqhom.

Is-sentenza qalet ċar u tond li Patri Deo ma ħa xejn għalih innifsu.

X'ġara tul is-seduta?

L-eks Kappillan, li għandu 36 sena, deher kalm fil-Qorti hekk kif tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia akkużat b'akkużi relatati ma' serq u miżaproprijazzjoni minn postijiet sagri fil-Belt Valletta

Tul is-seduta tal-lum, l-avukat ta’ Patri Deo, Stephen Tonna Lowell talab lill-Qorti biex kemm id-Difiża u anke l-Prosekuzzjoni jiddiskuti fil-privat mal-Maġistrat.

Il-Maġistrat aċċetta u d-diskussjoni bejn il-partijiet damet madwar 15-il minuta.

Aktar tard, l-eks Kappillan wieġeb ħati. Il-Qorti wissietu li l-akkużi li qiegħed jiffaċja jistgħu jfissru “ammont konsiderevoli ta’ ħabs.”

“Dan mhux reat żgħir li għalih se teħel €20 u wara qiesu ma ġara xejn,” qallu l-Maġistrat. Madanakollu, Patri Deo reġa’ wieġeb ħati.

Lejn l-aħħar tas-seduta, meta beda jirrifletti fuq is-sentenza, il-Maġistrat ordna lill-midja biex toħroġ mill-awla waqt li kkwota is-sezzjoni 531 tal-kodiċi kriminali li titkellem dwar proċeduri li jekk isiru fil-pubbliku jistgħu jikkawżaw skandlu.

X'irrapportat l-ILLUM dwar Patri Deo?

Ir-rapporti kontra l-eks Kappillan ħarġu fil-ġimgħa tal-festa ta' Santu Wistin u dan wassal biex il-parroċċa kellha tħassar il-festi kollha esterni.

Il-gazzetta ILLUM kienet irrapportat ukoll kif l-istess parroċċa ta' Santu Wistin kienet u x'aktarx għadha qed tiffaċja problemi finanzjarji, possibbilment dovuti għan-nefqa esaġerata li Patri Deo kien jagħmel fuq il-festa.

X'nafu sa issa fuq dan il-każ?

Fi Frar kienet irrapportata serqa mill-Kunvent tal-Agostinjani, serqa illi allegatament ma kinitx irrapportata mill-ewwel iżda li ġiet għall-għarfien tal-gazzetta In-Nazzjon.

Jidher li ħadd mill-Patrijiet Agostinjani ma kien jaf b’din is-serqa hekk kif fil-verità pitturi, li kienu f'wieħed mill-kurituri tal-kunvent u li jiswew eluf kbar ta’ ewro, spiċċaw mibdula ma' oħrajn

Fl-istess żmien kien irrapportat nieqes ċensier tal-fidda antik mill-Monasteru tas-Sorijiet Agostinjani fil-Belt stess, liema ċensier intlemaħ għand sid ta’ ħanut tal-antikitajiet.

Jidher li hawn kien faqqas isem Patri Deo Debono u aktar tfittxijiet waslu biex instabu wkoll il-pitturi nieqsa mill-Kunvent tal-Patrijiet Agostinjani.

Malli ħarġu l-allegazzjonijiet, Patri Deo tneħħa minn Kappillan u l-Arċisqof, flimkien mal-Provinċjal Patri Leslie Gatt, li dalgħodu kien preżenti fil-Qorti, qablu li jwaqqfu lill-Patri milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.

More in Qrati u Pulizija