'Kelli l-ġuħ ... għalhekk spiċċjat barra ċ-ċentru ta' detenzjoni. Kien żball'

Raġel akkużat u se jinżamm taħt arrest wara li ħarab miċ-ċentru ta' detenzjoni, għax qal li kellu l-ġuħ

Raġel li qed jinżamm fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni f'Ħal Safi qal illi spiċċa barra mill-faċilità 'bi żball' u li ma kienx jaf li din kienet ħarba. 

Iż-żagħżugħ ta' 19-il sena mis-Sudan u li jgħix fiċ-ċentru qed ikun akkużat illi ħarab nhar l-20 ta' Awwissu u li kisser bieb, biex b'hekk ikkawża €400 fi ħsarat.  

Il-Qorti nnotat iżda illi l-ebda prova ta' dawn l-ispejjeż ma kienu ppreżentati quddiemha. 

L-Avukat Joe Brincat, li qed jidher għall-akkużat, qal illi fin-nuqqas ta' provi ta' valur il-Qorti għandha tiddikjara li l-ammont huwa żgħir wisq biex ikun ikkunsidrat fuq merti ġudizzjarji. 

L-Ispettur Roderick Attard spjega kif l-akkużat kien miġbur mill-Pulizija ħdejn l-ajruport. Hu qal li l-akkużat fetaħ il-bieb bil-forza, tela' maċ-ċint u ħarab. 

Meta mistoqsi jekk hux se jaċċetta l-ħtija, l-akkużat qal illi kien bil-ġuħ u ma kienx jaf x'inhu jagħmel , "għalhekk spiċċajt barra. Kien żball."

 

Il-Qorti qalet li m'għandha ebda għażla ħlief li tordna illi r-raġel jibqa' taħt il-kustodja tal-Pulizija u l-każ imur quddiem ir-reġistratur tal-Qrati. 

More in Qrati u Pulizija