Jingħata l-ħelsien mill-arrest u jerġa' jiltaqa' mat-tifla li kellu x'jaqsam magħha sesswalment

It-tfajla tammetti li ltaqgħet mal-akkużat u li kienet qed tuża mowbajl apposta biex tikkomunika miegħu

Żagħżugħ li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li kellu x’jaqsam ma’ tfajla ta’ 15-il sena, reġa’ tressaq il-Qorti akkużat li għamel kuntatt magħha minkejja l-kundizzjonijiet li poġġiet fuqu l-Qorti.

Iż-żagħżugħ li għandu 25 sena ġie arrestat wara li skont l-Ispetturi John Spiteri u Kylie Borg, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li reġa’ għamel kuntatt mat-tfajla.

Skont l-Ispettur Borg, minn informazzjoni miġbura mill-mowbajl tal-akkużat, jirriżulta li ż-żagħżugħ kien viċin id-dar tagħha.

'Jeddidha li joqtolha jekk titilqu'

In-nannu tat-tfajla xehed li fl-20 ta’ Lulju ra lit-tfajla tidħol f’vann misjuq mill-akkużat.

Skontu, l-akkużat kien iċempel lit-tfajla u jheddidha li joqtolha jekk titilqu.

'It-tifla qaltli li tibża’ minnu'

Omm it-tfajla xehdet ukoll u saħqet li qabdet lil bintha tigdeb dwar mowbajl li kienet iżżomm apposta biex tikkommunika mal-akkużat.

“It-tifla qaltli li tibża’ minnu,” xehdet l-omm.

It-tfajla tammetti li baqgħu jikkomunikaw anke meta kien il-ħabs

Xehdet it-tfajla nnifisha li stqarret kif kienu qed jikkomunikaw darbtejn kuljum fi żmien meta kien qiegħed il-ħabs. Qalet li kienet qed tuża mowbajl apposta.

Qalet li meta telaq mill-ħabs, marret id-dar tiegħu u qattgħet siegħa hemm.

“Konnha qed nitkellmu. Lil ommi għidtilha li mort nixtri. Gdibtilha. Meta ġiet tħabbat għandu, kelli nistaħba,” kompliet tgħid.

Irrakkontat kif ġurnata wara, l-akkużat talabha biex jerġgħu jiltaqgħu għax ried jiċċara xi affarijiet. Spjegat kif iltaqgħu f’bypass, għax hemm talabha biex tmur u lemaħhom in-nannu tagħha.

Fil-Qorti nstema’ kif it-tfajla kienet għamlet żmien tgħix f’care home u skont il-Pulizija, minn kameras tas-CCTV, jirriżulta li l-akkużat deher hemm ukoll.

Minkejja dan, hija qalet li minn meta ħareġ bil-ħelsien mill-arrest, iltaqgħet darbtejn biss miegħu.

Qalet li meta kien il-ħabs kien jiktbilha l-ittri u kienet tagħtihomlha ommu.

Iż-żagħżugħ jinżamm arrestat

L-akkużat kien taħt il-kura ta’ psikjatra spjegat il-Prosekuzzjoni, iżda fuq talba tad-Difiża, espert tqabbad biex jerġa’ jeżamina lill-akkużat.

Din id-darba, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija