Mowbajl wassal għall-arresat ta' raġel akkużat li qabbad l-ark ta' San Publju
Id-Difiża qed tinsisti li mill-filmati li investigat il-Pulizija r-raġel ma jistax jiġi identifikat
More in Qrati u Pulizija
Id-Difiża qed tinsisti li mill-filmati li investigat il-Pulizija r-raġel ma jistax jiġi identifikat
Tressaq il-Qorti r-raġel akkużat li ħaraq l-ark ta’ San Publju fil-Furjana u li wassal biex struttura ta’ 120 sena spiċċat fix-xejn.
L-Ispettur Saviour Baldacchino qal lill-Maġistrat Audrey Demicoli li l-Pulizija invesigat ‘il fuq minn 50 filmat tas-CCTV u li wasslu għall-identifikazzjoni tan-numru tal-pjanċa ta’ karozza u eventwalment is-sid tagħha.
Spjegat kif ir-rotta tal-karozza kienet partikolari u li qablet preċiżament mal-informazzjoni miġbura mill-mowbajl tas-sid. Qal ukoll li l-istatura tas-suspettat kienet l-istess.
Ir-raġel, li għandu 33 sena u mill-Belt Valletta qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużat, insista li mill-filmati r-raġel ma jistax jiġi identifikat.
Saħaq li l-Pulizija waslu għar-raġel abbażi ta-pjanċa tal-karozza u għall-informazzjoni miġbura mill-mowbajl.
Kien hawn li insista li l-Pulizija baqgħet qatt ma stabbilit min kien qed isuq il-karozza.
Madanakollu, l-Ispettur saħaq li ċ-ċwievet tal-karozza u l-mowbajl inkwistjoni nstabu fil-pussess tar-raġel.
Iżda Debono baqa’ jinsisti li l-Pulizija ma stabbilitx jekk ir-raġel kellux il-mowbajl fuqu dakinhar tal-att, bl-Ispettur jibqa’ jisħaq li jinsab ċertu li qabdu lil dak li qabbad l-ark.
Il-Prosekuzzjoni oġġezjonat għall-ħelsien mill-arrest, anke minħabba r-rekord kriminali tiegħu.
Madanakollu, wara ħafna argumenti mid-Difiża, il-Qorti qablet li tagħt l-ħelsien mill-arrest mill-akkużat u ordnatlu jħallas depożitu ta’ €7,000 u garanzija personali ta’ €7,000.
Aqra wkoll:
Il-Gvern se jagħti sa massimu ta' €50,000 għall-bini mill-ġdid tal-ark ta' San Publju