Kuntrattur tal-AUM akkużat li attakka negozjant kollega fis-sit f'Bormla

Fil-Qorti l-akkużat jgħid li l-vittma kien iġorr fuqu arma tan-nar kull fejn imur

Kuntrattur li qed jaħdem fuq il-proġett tal-Università Amerikana f’Bormla tressaq il-Qorti akkużat li attakka u li weġġa’ gravi negozjanti fl-istess sit.

Il-kuntrattur Ġordaniż li jgħix Ħ’Attard, kien akkużat li f'Novembu tas-sena li għaddiet, attakka lin-negozjant x’aktarx wara argument li kellhom fuq xi commissions li kellu jieħu n-negozjant f’Novembru tas-sena li għaddiet.

Is-Supretendent Jeffrey Azzopardi qal fil-Qorti li l-Pulizija sabitha diffiċli ħafna issib lill-akkużat minħabba l-fatt li kien qed jgħix f’indirizz differenti minn dak li għandu mniżżel fuq il-karta tal-identità.

Kompla jisħaq li kull meta marru jfittxuh fl-uffiċini tiegħu fl-Imqabba, l-impjegati tiegħu rrifjutaw li jiftħu, iżda lbieraħ il-Pulizija saret taf li qed joqgħod Ħ’Attard u marret tarrestah.

Azzopardi kompla jgħid li l-Pulizija kienu sabu raġel bid-demm fis-sit tal-Università, mdawwar b'ħafna nies u jisħaq li ġie attakkat.

L-Ispettur Eman Hayman ukoll tkellem fuq kemm kien diffiċli li jinstab l-akkużat u spjega kif is-Segretarja tal-kumpanija tal-akkużat kienet qaltlu li ma tafx fejn jinsab.

Kompla jgħid li aktar tard sar jaf li t-tnejn li huma kellhom tifel flimkien. Fil-fatt, l-akkużat instab fir-residenza tas-segretarja.

‘Il-vittma kien iġorr revolver kull fejn imur’

Min-naħa tiegħu, l-akkużat qal li l-vittma kien iġorr fuqu armi kull fejn imur.

“Il-vittma kien iġorr revolver fuqu u kien jurih diversi drabi,” saħaq l-akkużat.

Fil-fatt irriżulta li tliet xhur wara l-inċident, dawn l-armi ġew ikkonfiskati mill-Pulizija.

Huwa kompla jgħid li kien ilu sentejn u nofs jgħix Ħ’Attard u ma qalibx l-indirizz għax ir-residenza f’Ħ’Attard għadha mhux lesta u qed jaħseb biex jimxi f’villa oħra li qed jibni xi mkien ieħor.

Intant, huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għat-talba tal-ħelsien mill-arrest sakemm jiffirma fl-għassa.

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depositu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000

More in Qrati u Pulizija