Ikkonfermata l-innoċenza ta' raġel akkużat li abbuża sesswalment tifla b'diżabilità

Ir-raġel kien tressaq akkużat li abbuża sesswalment tifla ta' 8 snin li għandha d-Down’s Syndrome

Il-Qorti tal-Appell ma sabitx raġel ħati li kien abbuża sesswalment minn tifla ta’ 8 snin li għandha d-Down’s Syndrome, hekk kif ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-ewwel qorti f'Ottubru tal-2017.

F’April tal-2016, ir-raġel kien tressaq akkużat li sfrutta u kellu x’jaqsam mat-tifla wara li l-LSA tagħha nnutatha tagħmel mossi sesswali u għalhekk infurmat immedjatament lill-Aġenzija Appoġġ.

It-tifla kienet qalet li raġel, bl-istess isem tas-sieħeb ta’ ommha, kien daħlilha “xabla” fil-parti tagħha u li kienet muġugħa ħafna.

Darba oħra, it-tifla bdiet tagħmel mossi sesswali bi ‘traffic cone’ waqt il-lezzjoni tal-PE.

Madanakollu, esperti tal-Qorti kienu spjegaw kif tifel jew tifla bid-Down’s Syndrome jistgħu jiżviluppaw dik li huma jsejħu ‘hypersexual behavior.’

Ir-raġel ma kienx instab ħati anke wara testijiet li kienu saru fuq it-tifla li kienu kkonkludew li t-tifla tirraġuna daqs persuna ta’ sentejn u ma tifhimx il-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu jekk ma tgħidx il-verità.

L-Avukat Ġenerali kien appella minn din id-deċiżjoni.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef  Consuelo Scerri innutat li x-xhieda tat-tifla kienet tinkludi sentenzi li ma jagħmlux sens, ismijiet u kliem ħażin.

Il-Qorti innutat li skont ħaddiema soċjali, it-tifla kienet taf kif jidher raġel u li l-abbuż seħħ fil-kamra tal-banju waqt li ommha kienet ix-xogħol. Qalet ukoll li t-tfal bid-Down’s Syndrome ikollhom immaġinazzjoni attiva ħafna u li ġieli ma jkunux jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn dak li jimmaġinaw u dak li vera jkun seħħ.

Tliet psikoloġi qalu wkoll li t-tifla għandha ħabta tingħoġob ma’ min qed ikellimha billi tgħidilhom dak li jixtiequ jisimgħu. Innutaw ukoll li t-tifla hija ferriħija ħafna u qatt ma dehret imdejqa jew imgerfxa kif normalment jidhru tfal abbużati.

Saru wkoll testijiet mediċi u rriżulta li t-tifla qatt ma kellha x’taqsam ma’ xi ħadd u fuqha ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ abbuż.

Wara li ħadet dan kollu inkonsiderazzjoni u anke għax it-tifla gerfxet ħafna fix-xhieda tagħha, ikkonkludiet li r-raġel huwa innoċenti. Qalet ukoll li t-tifla użat l-istess isem biex tirreferi għal persuni differenti u allura ma jfissirx li kienet qed tirreferi għall-akkuża.

Anke jekk kienet ċerta li t-tifla kienet esposta għal imġieba u anke lingwaġġ mhux xierqa, il-prosekuzzjoni ma pprovditx biżżejjed evidenza biex tipprova li t-tifla verament kienet abbużata sesswalment mill-akkużat.

More in Qrati u Pulizija