Qorti | Ħati li qatel missier waqt li qed itellaq fit-toroq
Żagħżugħ jeħel sentenza sospiża u multa wara li wieġeb ħati li kkawża l-inċident fatali tal-2013
More in Qrati u Pulizija
Żagħżugħ jeħel sentenza sospiża u multa wara li wieġeb ħati li kkawża l-inċident fatali tal-2013
Sewwieq akkużat li kkawża l-mewt ta’ raġel ieħor waqt li kien qed itellaq b’mod illegali fit-toroq ingħata sentenza sospiża u multa wara li kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
L-akkużat kellu 19-il sena meta lura fl-2013 kien ħabat ma’ vettura oħra misjuqa minn Filomeno Bonavia, missier ta’ tlieta, li kien tilef ħajtu.
Iż-żagħżugħ kien qed itellaq ma’ sewwieq ieħor meta qabżu u sab ma’ wiċċu l-vettura li kien qed isuq il-vittma.
Mal-impatt, il-vettura li kien qed isuq il-missier kienet inqalbet, bir-raġel li kellu 55 sena, imut ftit tal-ħin wara.
Iż-żagħżugħ kien akkużat bi qtil involontarju u sewqan traskurat b’veloċità eċċessiva.
Il-Maġistrat (issa Imħallef), Consuelo Scerri Herrera kienet semgħet kif l-akkużat kellu kondotta nadifa u kif l-uffiċjal tal-probabtion kien tal-parir li l-akkużat jibqa’ jaħdem u jibqa’ jkollu ħajja stabbli, waqt li kien semma kif l-akkużat kellu jingħata għajnuna professjonali biex ikun jista’ jkampa mat-trawma li kien għaddej minnha.
Fil-21 ta’ Ġunju li għadda, l-akkużat wieġeb ħati.
Meta l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-kondotta nadifa tal-akkużat, l-età tiegħu fi żmien il-każ, il-fatt li kkopera mal-Prosekuzzjoni u anke l-pariri tal-uffiċjal tal-probation, tatu sentenza ta’ sena ħabs sospiżi għal sentejn.
L-akkużat tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni għal sentejn u kien ordnat iħallas €2,000 fi żmien tliet snin.
Il-liċenza tas-sewqan tiegħu kienet sospiża għal sena.