Żewġ żgħażagħ, wieħed minnhom taħt l-età, inżammu arrestati wara li nstabu fil-pussess tad-droga.
L-Ispettur Priscilla Caruana spjegat lill-Maġistrat Joe Mifsud kif il-koppja twaqqfet waqt ronda li kienet qed tagħmel il-pulizija.
Fil-handbag tat-tfajla ta’ 20 sena mill-Belt, instab “ammont konsiderevoli” ta’ droga.
Wara tfittxija li saret fid-dar tagħha nstabet aktar droga.
It-tnejn li huma qed ikunu akkużati b’pussess aggravat tad-droga, biż-żagħżugħ ikun akkużat ukoll bit-traffikar.
Huma wieġbu mhux ħatja.
Il-Maġistrat qal li hemm bżonn isir xi ħaġa għax ma jistax ikun li tfal ikollhom 450 gramma droga fuqhom. Saħaq li l-Qorti ma tistax issolvi l-problema waħedha u jeħtieġ li l-forzi kollha jingħaqdu u jaħdmu flimkien.
“Is-soċjetà u l-ġenituri jeħtieġ irawwmu dixxiplina u rispett lejn l-awtoritajiet fost it-tfal,” kompla l-Maġistrat.
Iż-żagħżugħ ħareġ mill-ħabs jibki waqt li l-Maġistrat saħaq li se jkun qed jinżamm fil-ħabs tal-minuri fl-Imtaħleb “għall-arja friska.”