Jispiċċa l-Qorti wara li ffissa fuq mara li ltaqa' magħha darbtejn

Il-mara talbet l-għajnuna tal-pulizija minħabba raġel li ilu erba' snin iffissat fuqha

Raġel li ilhu erba’ snin iffissat fuq mara li ltaqa’ magħha darbtejn spiċċa ħażin wara li l-istess mara talbet l-għajnuna tal-Pulizia.

Iż-żagħżugħ, li għandu 29 sena u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq akkużat b’fastidju u b’użu ħażin ta’ materjal għall-kommunikazzjoni.

Fil-Qorti nstema’ kif il-mara hija ħabiba ta’ ħuh u ltaqa’ magħha darbtejn biss. Skont dak li ntqal fil-Qorti, mhux l-ewwel darba li ż-żagħżugħ talab lill-mara biex toħroġ miegħu, iżda dejjem irrifjutat.

Minkejja dan ma qatax qalbu u mhux l-ewwel darba li mar ifittixha fuq il-post tax-xogħol, id-dar u jċemplilha l-ħin kollu.

L-istorja kienet ilha għaddejja mill-2014.

L-akkużat kien qatta’ xi żmien fl-Isptar Monte Karmeli, iżda meta ħareġ reġa’ beda jsegwi lill-mara.

L-Avukat tad-Difiża, Giannella De Marco qalet li l-akkużat qed iwieġeb mhux ħati u talbet għall-ħelsien mill-arrest.

Minħabba l-problema ta’ saħħa mentali, l-Ispettur Jonathan Ransley qabel ukoll li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest, għax fi kliemu, il-ħabs ma jagħmillux ġid.

L-Avukat De Marco appellat lill-Qorti biex iżżomm f’moħħha li l-akkużat huwa fraġli, li qatt ma kien vjolenti u li għadu qed jirċievi l-kura, xi ħaġa li l-prosekuzzjoni qablet magħha.

Il-Qorti ordnat li jingħata l-ħelsien mill-arrest u talbet ukoll li l-vittma tingħata l-protezzjoni. Il-Maġistrat ħeġġet ukoll lill-ġenituri tal-akkużat biex jiżguraw li jobdi dak li qed timponi l-Qorti.

Huwa kien ordnat iħallas ukoll depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.

Wissietu li jekk jikser il-kundizzjonijiet jerġa’ jiġi arrestat u jista’ jeħel il-ħabs.

More in Qrati u Pulizija